Il-morning after pill, ġeneralment tittiħed f’każi fejn il-prekawzjonijiet ta’ kontraċettivi l-oħra li normalment jittieħdu, jew ikunu fallew, jew inkella għal xi raġuni, il-koppja tkun nesiet teħodhom, u sabiex tkun ċerta li ma jkun hemm l-ebda tqala mhux pjanata, tirrikorri għall-morning after pill, li iżda f’pajjiżna mhix disponibbli.
Il-gazzetta ILLUM titkellem maċ-chairperson tal-Life Network Foundation, Miriam Sciberras dwar dan u tistaqsi, jekk dan ikun il-każ u l-koppja ma tkunx lesta għal tarbija jew mhix f’pożizzjoni li jkollha t-tfal, xi tkun is-soluzzjoni? Hawnhekk, Miriam Sciberras tisħaq li s-soluzzjoni hi li, “trabbi dik it-tarbija li għandek fil-ġuf jew inkella tagħtiha għall-addozzjoni, u żgur mhux li toqtolha. Is-soluzzjoni mhux li tara l-ħajja innoċenti żejda.” Iżżid tgħid li ladarba tkun qed tara l-ħajja innoċenti bħala żejda, tkun qed tgħid li wasal iż-żmien li jiddaħħal l-abort. “Il-ħajja innoċenti ma tistax taraha bħala oġġett jew żgombru fil-ħajja li int ma pjanajtx u allura trid tara kif teħles minnha. Il-mument li naslu f’dak il-punt,” tkompli tgħid Sciberras, “inkunu wasalna f’punt tal-biża’.”
Il-ħajja innoċenti ma tistax taraha bħala oġġett jew żgombru
Miriam Sciberras
Iżżid tgħid li jekk tidħol din it-tip ta’ mentalità, “ikun punt fejn Malta titkaxkar mal-kumplament tad-dinja, u tkompli mal-massakru tal-innoċenti.”