Silenzju mill-Freeport…

Il-Freeport ma jweġibx mistoqsijiet tal-ILLUM dwar kumpens ta’ kwazi €1m għall-komunità ta B’Bugia

Il-Freeport ma jweġibx dwar kumpens ambjentali ta' kwazi miljun Ewro li Birżebbuġa għad m'għandhiex aċċess għalih
Il-Freeport ma jweġibx dwar kumpens ambjentali ta' kwazi miljun Ewro li Birżebbuġa għad m'għandhiex aċċess għalih

Hija ħaġa ironika li min-naħa tal-Freeport ikun hemm kwalunkwe forma ta’ silenzju, speċjalment minħabba l-fatt li għar-residenti ta’ Birżebbuġa, il-ħsejjes li joħorġu mill-Freeport huma kawża ta’ ljieli mingħajr irqad.

Dan is-silenzju, ma kienx waqfien mill-operat jew xi lejl sieket f’Birżebbuġa, iżda biss nuqqas ta’ kummenti fuq il-fatt li l-Freeport appella għall-ħlas ta’ €955,000 dovuti biex imorru ġo fond għall-iżvilupp ambjentali ta’ Birżebbuġa. Minn dawn il-flus, għadu ma ntużax ċenteżmu għall-ġid tar-raħal għax is-somma għadha miżmuma, wara li l-Freeport appella biex jieħu s-somma lura, bl-ewwel appell jinstema’ f’Lulju.

Is-sitwazzjoni f’Birżebbuġa

Għal min jgħix quddiem il-baħar, fis-sajf ikun pjaċir li tiftaħ tieqa u tiġi mbennen mill-ħoss rilassanti tal-baħar u l-mewġ. Dan mhux il-każ għar-residenti ta’ Birżebbuġa, li għalihom l-iljieli sajfin huma kkaratterizzati mil-ħsejjes ħerġin mill-Freeport.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Kevin Barun, is-Sindku ta’ Birżebbuġa li kkonferma kif il-Kunsill Lokali jirċievi lmenti regolari mir-residenti, speċjalment fix-xhur tas-sajf.

“Il-ħsejjes mill-Freeport,” spjega Barun, “ivarjaw minn storbju ġġenerat mill-inġenji, li mhuwiex biss mill-krejnijiet, iżda wkoll minn generators, magni ta’ vapuri, kif ukoll minn kull vettura u makkinarju fit-terminal.”

Barun żied jgħid li “ma’ dawn, iridu wkoll jissemmew varjetà ta’ sireni, il-containers jinstabtu u saħansitra nies jitkellmu fuq radjijiet u loud speakers.”

Is-Sindku spjega kif il-ħoss jinfirex mar-raħal kollu, u ma jinstemax biss mix-xatt, anzi ġieli jkun aktar qawwi fin-naħat tal-Qajjenza, fejn il-ħoss jivvjaġġa tul il-bajja kollha. Meta r-riħ ikun jaqbel, nies li joqogħdu wara l-knisja saħansitra jisimgħu l-vuċijiet tal-ħaddiema b’mod ċar, minkejja l-kilometri ta’ distanza mit-terminal.

Fil-verità, kull resident ta’ Birżebbuġa, jixtieq li l-Freeport iwaqqaf jew inaqqas l-operat tiegħu sabiex tal-inqas matul il-lejl, il-ħsejjes jittaffew u dawn ikunu jistgħu jorqdu fil-kwiet. Sfortunatament imma, bħalma anke jifhem u jaċċetta l-Kunsill Lokali, huwa impossibli li l-Freeport iwaqqaf l-operat tiegħu, anke għal ftit ta’ ħin. Għal kull siegħa li l-Freeport jagħmel wieqaf, isir telf kbir mill-profitt li dan jiġġenera għall-pajjiż, u bi dħul ta’ miljuni fis-sena, dan ma jistax jiġri.

Barun isostni li avolja din hija kwistjoni kumplessa, tal-inqas hemm bżonn jinstabu soluzzjonijiet biex jittaffa l-impatt tal-operat fuq ir-residenti.

Proposti, pjanijiet u soluzzjonijiet…

Il-Kunsill Lokali, flimkien mal-Malta Freeport Terminals Ltd, l-NGO Birżebbuġa Environmental Action Group (BEAG), Transport Malta, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Malta Freeport Corporation jagħmlu parti minn Environment Monitoring Committee li jiltaqa’ fuq bażi regolari.

Dan il-kumitat jiltaqa’ biex jiddiskuti kwistjonijiet tal-lokal relatati mal-ambjent, inkluż l-ilmenti li jkun irċieva l-Freeport, rapporti ambjentali bħall-istudju fuq il-ħsejjes, proġetti ġodda u azzjonjiet li jittieħdu biex l-impatti ambjentali jonqsu.

Il-livell ta’ ħsejjes f’Birżebbuġa jammonta għal 65dB, li huwa 20dB ogħla mil-livell approvat mill-Organizzazjoni tas-Saħħa Dinija Kevin Barun - Sindku

F’kummenti li l-Malta Freeport Terminals Ltd, taw lill-gazzetta ILLUM, intqal kif bejn Frar tal-2014 u Jannar tal-2015 kien maqbul li jsir studju rigward il-livell ta’ ħsejjes preżenti f’Birżebbuġa u liema huma s-sorsi ta’ dawn il-ħsejjes.

Ir-riżultat ta’ dan l-istudju wera li hemm diversi sorsi ta’ ħsejjes li ġejjin mill-Freeport flimkien ma’ sorsi esterni oħrajn.


B’reazzjoni għall-kummenti tal-Freeport Terminal, Barun żied jgħid li, “l-livell ta’ ħsejjes f’Birżebbuġa jammonta għal 65dB, li huwa 20db għola mill-livell approvat mill-Organizzazjoni tas-Saħħa Dinija (WHO).”

Ir-rapport jirrakkomanda azzjonijiet li l-Freeport Terminals Ltd. jista’ jieħu biex jitnaqqas il-livell tal-ħsejjes li jaffettwaw lil Birżebbuġa. Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet, ġie msemmi li:

  • Jinbiddlu s-sireni għal tip aktar silenzjuż
  • Jiġi restritt l-użu ta’ ħornijiet u buzzers
  • Jiġu installati sistemi elettroniċi li bihom il-containers jinqabdu b’mod aktar preċiż, li jevita tisbit żejjed
  • Jiġi evitat kemm jista’ jkun il-kuntatt bejn il-metalli
  • Isir titjib għal makkinarju aktar silenzjuż

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa jikkonferma l-qbil bejn il-Kunsill Lokali u l-impenn tal-Freeport Terminals li dawn ir-rakkomandazzjoniet se jiġu implimentati gradwalment sal-aħħar tal-2017.

Barun żied jgħid li minkejja dawn il-miżuri, li sa ċertu punt se jtaffu ftit is-sitwazzjoni tar-residenti, l-aktar miżura importanti,  jiġifieri dik tal-ħsejjes iġġenerati mis-sistema ‘shore to ship supply’, li tissupplixxi l-enerġija lill-vapuri mit-terminals, ma kinitx inkluża.

Studji li jindirazzaw din is-sitwazzjoni ġew inklużi biss wara insistenza mill-Kunsill Lokali, iżda dawn għadhom fi stadju bikri u jafu jgħaddu snin qabel isiru xi rakkomandazzjonijiet fir-rigward.

Bejn appell fuq €955,000 dovuti għall-iżvilupp ambjentali tar-raħal, u kruċjata ġdida dwar ix-‘shore to ship supply’, Birżebbuġa se jkolla tibqa’ siekta aktar fit-tul, waqt li l-Freeport jippersisti li ma jiskot qatt.

More in Socjali