Mijiet ta' Maltin imlew il-masġar tal-Buskett dalgħodu biex jiċċelebraw waħda mill-eqdem festi li ssir f'pajjiżna, l-Imnarja. Din il-festa, isimha ġej minn 'Luminarja' jew dawl, tikkomemora l-aktar żewġ appostli importanti, San Pietru, li fil-fatt huwa l-ewwel Papa tal-Knisja Kattolika u San Pawl, li għalkemm ma kienx wieħed mit-12 xorta jitqies bħala 'appostlu'.
Bħalissa għaddejjin bosta attivitajiet kemm fil-Buskett, kif ukoll f'Għawdex li jinkludu t-tiġrijiet taż-żwiemel, kif ukoll bosta postijiet fejn min jixtieq jista jiekol, kull tip ta' ikel speċjalment dak tradizzjonali. Apparti mill-Buskett din il-festa hija ċċelebrata ukoll fin-Nadur, fejn San Pietru u San Pawl huma l-patruni ta' dan ir-raħal Għawdxi.