Servizz mediku ġdid għal waqt inċidenti serji
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llum nieda servizz ġdid ta’ Emergency Physician Response Unit, għal waqt inċidenti serji u li f’ċerti każijiet jistgħu jinvolvu numru kbir ta’ nies.
Għal dan il-għan ġew imnedija żewġ karozzi li qegħdin ikunu f’idejn żewġ tobba 24 siegħa kuljum, fejn ikunu jistgħu jmorru fuq il-post ta’ inċidenti maġġuri u jagħtu l-ewwel għajnuna lill-midruba direttament fuq il-post.
Minn meta beda jaħdem dan is-servizz fil-bidu ta’ Mejju, kien hemm 19-il inċident li għalih issejjaħ l-Emergency Physician Response Unit, b’92 persuna involuta f’dawn l-inċidenti.
Intant, Fearne qal ukoll li matul l-aħħar xhur kien hemm titjieb konsiderevoli fil-ħinijiet li pazjent jistenna fl-Emerġenza.
Matul Ġunju kien hemm 79% tal-pazjenti li nqdew minn kollox f’inqas minn erba’ sigħat minn xħin waslu l-Emerġenza, filwaqt li kien hemm 84% tal-pazjenti li ddaħħlu l-isptar f’inqas minn sitt sigħat minn xħin waslu l-Emerġenza.
“Iżda m’aħniex se nieqfu hawn, se nibqgħu naħdmu biex nilħqu d-90% fiż-żewġ każijiet,” qal il-Ministru Fearne.