filmat | Il-Korp tal-Pulizija jagħlaq 202 sena

Il-Korp tal-Pulizija qed jorganizza numru ta' attivitajiet biex jiġi ċċelebrat l-egħluq tal-202 sena mit-twaqqif tiegħu

Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta jagħlaq 202 sena
Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta jagħlaq 202 sena

Il-Ħadd 3 ta’ Lulju 2016, se jingħata bidu għal programm ta’ attivitajiet b’rabta mal-anniversarju tal-202 sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, b’quddiesa li se tiġi ċċelebrata ġewwa l-Kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fid-09:00. Wara jsir it-tqegħid ta’ kuruni fuq il-qabar tal-Korp.

It-Tnejn 4 ta’ Lulju fl-10:00, se jsir marċ fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, flimkien ma’ wirjiet mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija, Precision Drill Team, sezzjoni tal-Klieb u wirja ta’ vetturi antiki u moderni tal-Korp, f’Misraħ il-Ħelsien.

It-tfal li se jkunu preżenti għal din l-attivita’ se jkollhom l-opportunita’ li jirkbu fuq iż-żwiemel tal-Kavallerija u fuq mutur tat-traffiku, li se jkunu f’Misraħ il-Ħelsien.

Fl-istess ġurnata se tinfetaħ esebizzjoni ġewwa l-bini tal-Parlament, li se tinkludi uniformijiet u xi tagħmir antik ieħor li kienu jużaw il-Pulziija fl-imgħoddi. F’din l-esebizzjoni se jintwera dokumentarju qasir dwar l-Istorja tal-Korp tal-Pulizija.

 

Fil-ġranet ta’ wara, f’diversi lokalijiet madwar Malta u Għawdex, se jittellgħu wirjiet mill-Banda tal-Pulizija, Precision Drill Team u s-sezzjoni tal-Klieb:

 

Birżebbuġa (Misraħ is-Summit) fil-5 ta’ Lulju,

Wied il-Għajn (Pjazza Mifsud Bonnici) fis-7 ta’ Lulju,

Tas-Sliema (Triq it-Torri) fit-8 ta’ Lulju,

Buġibba (Misraħ il-Bajja) fid-9 ta’ Lulju u

Marsalforn Għawdex (Menqa) fit-13 ta’ Lulju.

Preżenti ukoll se jkun hemm żwiemel tal-Kavallerija u mutur mis-sezzjoni tat-Traffiku. L-attivitajiet f’dawn il-lokalitajiet jibdew fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxja (2030hrs), filwaqt li f’Għawdex l-attivita’ tibda fis-sebgħa u nofs (1930hrs).

Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet jintlaħaq propju f’Jum Il-Pulizija, it-Tlieta 12 ta’ Lulju, 2016, fejn fit-8:30 se ssir parata mill-Grawdja tal-Unur, f’Misraħ San Ġwann u jindaqq l-Innu Malti fil-preżenza tal-Eċċelenza Tagħha l-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali u l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu b’quddiesa solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

More in Socjali