'Pruvaw jixtruni bil-pulit'
Pawlu Buttigieg: Suldat tal-azzar għall-Ħondoq
minn John Busuttil
Din il-ġimgħa, wara 14-il sena ta’ qtigħ il-qalb u battalji sħaħ kontra kull żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, il-MEPA b’mod unanimu qatgħetha li l-proġett ta’ lukanda u yacht marina f’Ħondoq ir-Rummien ma jsirx. Il-Poplu Malti u Għawdxi speċjalment dak tal-Qala, se jibqa’ jgawdi din il-bajja pittoreska kif inhi u mingħajr ma ħadd ma jżommok milli tuża xi parti mill-Ħondoq.
Iżda dan kollu ma ġiex waħdu iżda mertu kbir, anke jekk bl-għajnuna ta’ diversi ambjentalisti imur għal Paul Buttigieg, il-viċi sindku tal-Qala li kontra l-kurrenti kollha ssielet għal 14-il sena sħaħ sa ma ġabha żewġ.
“Kont l-ewwel wieħed li ħloqt dan il-grupp kontra l-proġett wara li ndunajt xi problemi se toħloq fil-bajja l-yacht marina. Għamilt dan kollu minn qalbi għax rajt x’ġara lin-nies ta’ Għajnsielem meta tilfu l-bajja taż-Żewwieqa u Chambray. Ġibt quddiem għajnejja li Ħondoq se jkun biss għas-sinjur għax kulma kien se jibqa’, kienet il-bajja u l-moll fejn hemm is-siment. Iżda dan mhux biżżejjed għax Ħondoq hu post fejn familji jirrikreaw irwieħhom bl-aktar mod li jintlaħaq mill-but ta’ kulħadd.”
Paul Buttigieg kompla jgħid li qatt ma ried lill-uliedu jisħtu l-mument li missierhom m’għamilx dak kollu possibbli biex isalva dik il-bajja mill-ispekulaturi. “Tkun kemm tkun sinjur, ħadd ma ħa xejn miegħu meta miet, iżda tieħu miegħek l-irġulija li tkun sawwart tul ħajtek u l-wirt li tkun ħallejt għal ta’ warajk.”
Buttigieg qal li l-privat jaħdem b’mod li “l-bieraħ ‘tagħkom’, illum tagħna u għada ‘tiegħi biss’.” Hu kompla jgħid li fil-bidu, fil-Qala kien hemm min jipprova jgħaddih biż-żmien u kien hemm kurrent kbir kontrih fejn kienu jgħajruh li se jtellef ix-xogħol lil ħafna nies. “Kienu anke jippruvaw jixtruni bil-pulit, fejn kien hemm min offrieli l-kuntratt kollu tax-xogħol tal-injam tal-proġett. Kien hemm min anke offrieli impjieg bħala uffiċjal maċ-ċivil taħt gvern Nazzjonalista biex nieqaf nikkampanja, iżda jien għandi prinċipji sodi u fehmti ma nibdiliex għalxejn.”
Buttigieg qal ukoll li l-Partit Laburista qatt ma ndaħallu, anzi ddeċieda li jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali mal-partit wara li ngħata garanzija minn uffiċjali tal-Partit li huma se jibqgħu kontra l-proġett. “Ħriġt bil-patt u kundizzjoni li l-partit jibdel fehmtu fl-2007, u hekk kien meta qaluli li l-eżekuttiv tal-Partit ivvota kontra l-proġett. Anke meta laħaq kap Joseph Muscat kien wegħdni l-appoġġ u baqa’ jappoġġjani sal-lum. Tant li anke kien bagħatni Brussell niltaqa’ ma’ Patrick Wedgart li kien is-segretarju personali tal-Kummissarju Ewropew għall-ambjent Stavros Dimas biex jagħtini l-pariri dwar il-każ, fejn minn wara dahar il-kunsill, il-Ħondoq kien inbidel u ma kienx baqa’ bħala ODZ. Iżda rrid insemmi li kien hemm min għeni fil-pariri miż-żewġ naħat tal-kamra u persuni li ma jistgħux jissemmew għax setgħu anke tilfu xogħolhom. Kien hemm anke qlajjiet li jien imdaħħal f’xi tip ta’ korruzzjoni li sfaxxaw fix-xejn.”
“Iżda rnexxielna noħolqu l-każ ta’ Ħondoq bħala kwistjoni nazzjonali, u din għenitna bil-kbir, għalkemm il-punt kruċjali kien meta sar stħarriġ għall-EIA mill-mibki Professur antropologu Boissevain flimkien ma’ Alan Deidun u Lino Bianco. Għax il-kelma tal-antropologu nstemgħet mad-dinja kollha, li waqqa’ s-sitt volumi kbar li saru mill-iżviluppaturi biex jiġġustifikaw il-proġett.”
Fl-aħħar wasal it-tmiem tal-proġett darba għal dejjem, u dak li 14-il sena ilu ġie mżeblaħ għax beda l-battalja favur l-ambjent naturali ta’ Ħondoq, illum qed iwaqqfu kulħadd biex jifraħlu. “Inħossni ferm sodisfatt li wasalt fejn xtaqt. Anke għalija l-każ ingħalaq hawn, filwaqt li nfakkar lil kulħadd li jien mort quddiem il-Bord tal-MEPA wara li ġejt magħżul mill-Kunsill tal-Qala biex nirrappreżentah. Waqt is-smigħ, tlabt lill-board biex ma jaħfirx id-dnubiet ta’ ħaddieħor jew biex jagħti assoluzzjonijiet iżda biex jara li l-ħażin ma jsirx.”
“Ħondoq ir-Rummien wieħed għandna, u jekk nabbandunawh jintilef darba għal dejjem u għalxejn nibku l-mitluf,” kompla jisħaq Buttigieg.
Il-viċi sindku tal-Qala temm billi rringrazzja liż-żewġ kunsilli li kien hemm qabel u dak tal-preżent li ħatruh biex jieħu ħsieb l-ambjent fil-Qala u kellu appoġġ sħiħ minnhom it-tnejn. Mhux ta’ b’xejn li fl- aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kien imniżżel bħala ‘Paul Buttigieg magħruf bħala Pawlu ta’ Ħondoq’.