Foss miżbla li fl-aħħar se jitnaddaf

Foss storiku f’Ħaż-Żabbar se jitnaddaf l-ewwel darba f’għexieren ta’ snin wara li mill-viċin diġa tneħħew 1,700 tunellata ta' skart u twaħħlet CCTV camera

In-naħa t’isfel tal-foss f’Ħaz-Żabbar mibdula f’miżbla
In-naħa t’isfel tal-foss f’Ħaz-Żabbar mibdula f’miżbla

 

Fil-ġranet li għaddew, numru ta’ nies ilmentaw u tefgħu ritratti fuq siti soċjali u ritratti li juru ammonti tal-mistħija ta’ żibel fil-parti t’isfel tal-foss f’Ħaż Żabbar, li jagħmel parti mis-sur tal-Birgu. B’riżultat ta’ dawn l-ilmenti, dan il-każ ġie mogħti importanza mill-midja u tqajmu mistoqsijiet dwar kif l-awtoritajiet mhux qed jieħdu passi dwar dan ir-rimi illegali u għaliex post b’relevanza storika bħal parti mis-sur tal-Birgu qed jitħalla jsir miżbla. B’risposta għal dawn l-ilmenti, id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għamel kuntatt mal-ILLUM sabiex jiċċara l-kwisjoni dwar it-tindif tal-foss. Fl-istqarrija tagħhom ġie ċċarat kif għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal f'diversi kummenti online, il-parti t’isfel tal-foss qatt ma tnaddfet. L-ewwel darba li din il-parti tal-foss se titnaddaf wara għexieren ta’ snin se tkun fl-aħħar ta’ dan is-sajf. F'Marzu li għadda bdiet l-ewwel fażi tal-proċess ta’ tindif fuq il-foss. Ix-xogħol ta’ tindif li għalissa kopra biss il-parti ta’ fuq tal-foss tlesta f’April li għadda. Minn din iż-żona, tnaddfu 1,700 tunellata ta’ skart illegali ta’ kull tip. It-tindif sar kollu minn ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif wara li din iż-żona kienet abbandunata għal għexieren ta’ snin.

F’din l-istess parti ta’ fuq tal-foss, twaħħlet ukoll CCTV kamera li taħdem b'sistema solari, fl-uniku aċċess li hemm biex tidħol għal dan il-post.

Minn meta twaħħlet il-kamera ma ntrema ebda skart aktar, u s-sitwazzjoni bdiet tiġi kontrollata.

Xogħol ta’ tindif fil-parti ta’ fuq tal-foss f’Marzu 2016
Xogħol ta’ tindif fil-parti ta’ fuq tal-foss f’Marzu 2016

It-tindif taż-żona li saru l-ilmenti fuqa, li tiġi l-parti t’isfel tal-foss, se tkun it-tieni fażi tal-proġett. Id-direttorat stqarr iżda li f’din il-parti tal-foss hemm problema loġistika sabiex jitniżżel makkinarju għat-tindif.  Iżda madankollu, saru l-arranġamenti neċessarji għal dan ukoll, u l-pjan huwa li jitnaddaf lejn tmiem dan is-sajf.

 

Id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kompla jisħaq mal-ILLUM li huwa kommess li jagħti lil din iż-żona dak li jixirqilha billi jnaddaf dan il-post u jibqa’ jiġi segwit bl-aħħar teknoloġija ta’ CCTV kameras, kif diġà qed isir fil-parti ta’ fuq.

 

Id-direttorat appella wkoll sabiex il-pubbliku jiddisponi mill-iskart tiegħu fil-faċilitajiet li għandna f'dan il-pajjiż u kemm jista’ jkun kulħadd ikun parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema ta’ rimi ta’ skart illegali.

More in Socjali