‘Noqtlok le, imma nħallik tmut iva’

Stħarriġ jikxef id-dilemmi li qed jiffaċċjaw it-tobba Maltin dwar l-ewtanasja

It-tobba Maltin u Għawdxin, jinsabu ġeneralment f’dilemma kerha ħafna meta u jekk pazjent ikun wasal fit-tmiem ta’ ħajtu u jkun jixtieq li ma jkomplix jgħix l-aħħar ġranet tiegħu f’agunija. Id-dilemma għandha l-għerq fil-fatt li hemm lakuna legali assoluta f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura lejn tmiem il-ħajja.

Stħarriġ li sar mit-tobba Jurgen Abela u Pierre Mallia, u ppubblikat fil-Malta Medical Journal, jikxef dilemmi serji li qed iħallu r-reliġjon bħala l-unika gwida ta’ x’għandu jagħmel tabib jekk u meta jkun iffaċċjat minn talba simili. Aktar minn hekk, filwaqt li l-istħarriġ juri kif 90.2% tat-tobba li pparteċipaw huma kontra l-ewtanasja, 50.3% huma favur l-intensifikar tal-proċess li fih jittieħdu ‘pain killers’ fl-aħħar mumenti tal-ħajja bil-konsegwenza li jitħaffef il-proċess tal-mewt.

32% żammew jew waqqfu trattament

L-istħarriġ juri kif minn dawk li pparteċipaw, 32% tat-tobba qalu li xi darba jew oħra huma waqqfu jew żammew milli jsir trattament. Minn dawn, 13.9% żammew milli jsir trattament, 4% waqqfuh u 14.2% għamlu t-tnejn. Minn dawk is-68% li qalu li qatt ma żammew jew waqqfu trattament, 13.6% qalu li jkunu lesti jżommu trattament milli jsir, 2% ikunu lesti li jwaqqfuh u 21% ikunu lesti li jagħmlu t-tnejn. Minn dawn it-tobba iżda 31.4% qalu li huma ma jkunu lesti qatt, la li jżommu u lanqas li jwaqqfu trattament.

Dawk li jaqblu x’jgħidu?

Jekk pazjent jitlob li jmut, 90.2% tat-tobba ma jaċċettawx. Imma l-bqija, jew 9.8% jaċċettaw li dan il-proċess isir. Minn dawn, 3.4% jaqblu biss meta l-ewtanasja tkun amministrata, 5.9% jaqblu biss meta tkun preskritta u 0.5% jaqblu fiż-żewġ każi.

...imma għandek dritt tħaffef il-proċess tal-mewt?

L-istħarriġ jistabilixxi allura li t-tobba fil-maġġoranza tagħhom, huma kontra l-amministrazzjoni tal-ewtanasja, imma li għandhom inqas ta’ dilemma meta jirrigwarda t-tħaffif tal-proċess tal-mewt. Fil-fatt, l-istess stħarriġ juri kif minoranza relattiva ta’ dawk li pparteċipaw, jew 43%, jaqblu li l-pazjent għandu dritt jiddeċiedi jekk għandux iħaffef il-proċess tal-mewt jew le. Min-naħa l-oħra, 25.6% ma jaqblux filwaqt li 31.5% huma iktar newtrali dwar il-kwistjoni.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri iżda, it-tobba xorta jibqgħu tal-opinjoni li l-għan tagħhom dejjem għandu jibqa’ dak li l-ħajja tiġi preservata. L-aktar li jaqblu ma’ dan il-għan huma dawk li jaħdmu fil-ġerjatrija, il-ġinekoloġija u l-pedjatrija. Dawk li l-inqas jaqblu li l-preservazzjoni tal-ħajja għandu jkun l-għan prinċipali ta’ ħidmiethom huma t-tobba li jaħdmu fil-kirurġija u fl-anestesija. Fil-fatt fil-każ tal-aħħar, maġġoranza relattiva ma jaqblux ma’ dan il-kunċett, jew mal-idea li akkost ta’ kollox il-ħajja trid tkun preservata, jista’ jkun li dan huwa minħabba n-natura tal-mard li jiltaqgħu magħhom it-tobba f’dan id-Dipartiment. Fid-Dipartiment tal-Anestesija, ikun hemm fost l-oħrajn, persuni li jkunu qed ibatu minn paraliżi jew problemi fis-sistema tan-nervituri, uħud mill-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal talbiet għall-ewtanasja.

Qafas legali kompletament nieqes

Kemm mill-kummenti tat-tobba nfushom kif ukoll fil-parti fejn Abela u Mallia jiddiskutu r-riżultat tal-istħarriġ, joħroġ biċ-ċar li fejn jirrigwarda dan il-qasam, it-tobba Maltin qed joperaw f’vakuum legali. “Il-Liġi hija kompletament nieqsa. Jista’ jkun li nikkunsidra li namminstra ewtanasja kieku nkun naf xi tgħid il-liġi,” jgħid tabib partikolari. Ieħor jgħid li bil-possibbilità tal-ewtanasja, hemm bżonn leġiżlazzjoni “li tipproteġi lit-tobba.”

Tabib ieħor li jaħdem fl-Isptar Mater Dei jilmenta kif “din lakuna, fejn ħafna attenzjoni hija mogħtja lit-trattament li jista’ jkun dubjuż.”

Id-dilemma ta’ bosta tobba toħroġ ċar ukoll meta wieħed iqabbel il-persentaġġ ta’ dawk li huma kontra l-ewtanasja ma’ dawk li għalihom il-preservazzjoni tal-ħajja mhix għan assolut. Fil-fatt, fid-Dipartiment tal-Anestesija, għalkemm ħafna ma jaqblux ma’ dan il-għan bħala wieħed assolut, xorta hemm 95% li huma kontra l-ewtanasja. Dawk kollha li jaħdmu fil-ġerjatrija u allura għandhom kuntatt dirett ma’ pazjenti anzjani huma kollha kontra l-amministrazzjoni tal-ewtanasja.

Il-gwida tibqa’ dik morali u reliġjużja

Fin-nuqqas ta’ qafas legali, il-kumpass morali u anke dak reliġjuż jibqa’ l-gwida ewlenija fil-kura tat-tmiem il-ħajja. Fil-fatt, 86% ta’ dawk kollha li pparteċipaw qalu li r-reliġjon hija importanti meta jiġu biex jiddeċiedu dwar din it-tip ta’ kura. Dan il-persentaġġ huwa pjuttost relevanti hekk kif 91.6% ta’ dawk kollha li rrispondew qalu li huma Kattoliċi. Anke tabib partikolari li ħa sehem fl-istħarriġ sostna li “r-reliġjon tiegħi għandha r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet.”

Abela u Mallia, fir-rimarki konklussivi tagħhom jgħidu li “b’mod ġenerali, it-tobba jsibu din il-kwistjoni bħala waħda diffiċli u ta’ sfida u għalhekk jiddependu fuq ir-reliġjon bħala s-sors ewlieni ta’ gwida.”

 

 

More in Socjali