€98 inqas biex issuq karrakka

Minn riċerka li għamlet l-ILLUM jirriżulta li f’sena tħallas minimu ta’ €98 inqas f’liċenzji jekk ikollok karozza antika

Immaġinak tkun ilek nofs siegħa miexi tlikki tlikki mwaħħal fit-traffiku, u meta fl-aħħar tasal ħdejn il-kaġun tal-problema, tara karozza antika żmagata li għanda ’l fuq minn għoxrin sena wieqfa bil-ħsara f’nofs ta’ triq.

Sid il-karozza ovvjament ikun l-aktar wieħed frustrat f’din is-sitwazzjoni kollha. Il-karozza għamlet żmienha u l-possibbiltà li din tieqaf hija ferm akbar. Kieku jaħasra bil-paga li għandu jiflaħ jixtri karozza oħra!

Min riċerka li għamlet l-ILLUM , ħriġna b’eżempju prattiku li juri kif hawn Malta, jekk iżżomm karozza antika reġistrata qabel l-2009, u li llum għanda kważi 20 sena, jaqbillek aktar milli tixtri karozza użata ta’ 5 snin, li ovvjament tinsab f’kundizzjoni aħjar.

 

Id-differenza bejn karozza rreġistrata qabel u wara l-2009

Sena tal-Manifattura       1998                                      2011

Daqs tal-magna              1900cc                                  2200cc

Emmisjonijiet                  Mhux ikkalkulati                    185g/km

Prezz fuq is-suq             Madwar €4,000                     €10,000 mill-Ingilterra
                                       
fis-suq tal-vetturi użati        + €6,000 reġistrazzjoni

Liċenzja Annwali            Madwar €240                       €338 (li tista’ titla’ sa €762)

Skont Transport Malta, it-taxxa tar-reġistrazzjoni tiġi kkalkulata fuq il-livell ta’ emissjoni tal-vettura kkonċernata (grammi ta’ CO2/kilometru) , kif iddikkjarati mill-manifattur, u skont il-valur tas-suq li jiġi provdut mingħand il-kumpanija CAP UK. Għal vettura kummerċjali, din tinħadem abbażi tal-kapaċità tal-magna, il-piż tal-vettura, l-età u l-kilometraġġ li jkollha l-magna.

Allura fil-każ tal-eżempju tagħna, qed naraw li fuq din il-vettura użata ta’ 5 snin li tiswa €10,000, it-taxxa tar-reġistrazzjoni hija ta’ €6,000. Dan il-prezz li kważi rdoppja l-ispiża oriġinali tal-vettura u jista’ jkun ta’ detriment kbir, jispiċċa biex dak li jkun jaqta’ qalbu jixtriha u minflok, iżomm il-karozza antika li għandu. Jekk il-prezz totali wara t-taxxa tar-reġistrazzjoni mhux diġà ta’ detriment biżżejjed, trid tissemma wkoll il-liċenzja annwali. Transport Malta informaw lil din il-gazzetta li kif kien imħabbar fil-Baġit tal-2009, id-differenza fil-prezzijiet bejn karozzi reġistrati qabel u wara l-2009 hija li l-vetturi li kienu reġistrati qabel l-2009, għandhom il-liċenzja kkalkulata skont il-kapaċità tal-magna u l-età tal-vettura, filwaqt li dawk reġistrati wara l-2009, għandhom il-liċenzja kkalkulata skont il-livell ta’ emmisjoni tal-magna.

B’hekk karozza ta’ 5 snin b’magna Euro5 b’ċilindraġġ ta’ 1900cc, u b’valur ta’ emmisjonijiet ta’ 185g/km, tħallas liċenzja ta’ madwar €338 fis-sena (li titla’ sa €762), filwaqt li għall-karozza antika ta’ 20 sena, kważi bl-istess ċinlindraġġ imma ovvjament f’kundizzjoni agħar u b’livelli għola ta’ emmisjonijiet, il-liċenzja tiswa madwar €240 u sakemm tibqa’ fit-triq, tiżdied biss bi ftit flus. B’din is-sitwazzjoni jidher li x-xiri ta’ karozzi użati impurtati minn barra qiegħed jiġi skuraġġat u rriżervat biss għal min il-prezz ma jagħmillux differenza; żgur mhux għall-ħaddiem komuni. Il-persuna medja probabbilment tirraġuna li biex ikollna aktar karozzi effiċjenti u li jniġġsu l-arja inqas, ikun aħjar kieku l-Gvern u Transport Malta jinċentivaw ix-xiri ta’ karozzi aktar moderni b’taxxi tar-reġistrazzjoni u liċenzji jiswew inqas, minflok jippremjaw l-użu ta’ karozzi antiki, li jniġġżu u fi stat ħażin.

Inċentivi għax-xiri ta’ karozzi ġodda

Transport Malta flimkien mal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, infurmaw lill-ILLUM li qed jiġu offruti inċentivi biex il-pubbliku ikun f’pożizzjoni aħjar biex jixtri vettura ġdida li tkun aktar effiċjenti kemm fil-konsum tagħha kif ukoll fit-tniġġiż tal-arja, minflok waħda użata.

Transport Malta flimkien mal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura qed joffru :

  • Benefiċċju ta’ €7,000 biex tinxtara vettura elettrika ġdida u tiskrappja l-vettura antika
  • Jew €4,000 biex tinxtara vettura li tkun ilha reġistrata inqas minn sentejn
  • Benefiċċju ta’ €2,000 biex tinxtara vettura ibrida u tiskrappja l-vettura antika aktar minn 10 snin
  • Benefiċċju ta’ bejn €700 u €900 għall-vetturi ġodda b’emissjoni (CO2) anqas minn 130g/km u minfloka tiskrappja vettura antika ta’ aktar minn 10 snin

F’kummenti mal-ILLUM, Transport Malta qalu wkoll li l-ħlas tal-liċenzja annwali fuq vetturi ġodda jkun minimu u kostanti għall-ewwel ħames snin, filwaqt li dawk li jaqilbu l-karozza tagħhom taħdem bil-gass (LPG), ikollhom għotja ta’ €200 u roħs fil-liċenzja annwali.

Mill-istħarriġ li għamlet din il-gazzetta jidher li s-sitwazzjoni hi li l-inċentivi offruti, jiffukaw aktar fuq ix-xiri ta’ karozzi ġodda minflok dawk użati. Aktar ma jkun hemm nies jagħmlu użu mill-inċentivi offruti, bil mod il-mod jibda jitnaqqas in-numru ta’ karozzi antiki u li jniġġżu mit-toroq tagħna.

X’tip ta’ karozza tinxtara, imbagħad jiġi determinat mill-ammont ta’ flus li wieħed jiflaħ jonfoq, wara li anke jagħmel użu mill-inċentivi offruti. Għal dawk li m’għandhomx problemi jħallsu taxxi tar-reġistrazzjoni u liċenzji għoljin, l-għażla tal-vettura tkun aktar varjata u jkollom ukoll l-għażla jekk jixtrux ġdid jew inkella użat.

More in Socjali