Dalgħodu kien imniedi l-proġett ‘Wellbeing Across Generations’ (W.A.G), proġett komunitarju fil-Kottonera organizzat minn Ċentru Tbexbix.
Il-proġett li huwa kofinanzjat mill-fond għall-għaqdiet mhux governattivi (VOPs) huwa wieħed interġenerazzjonali u se jkun qed ilaqqa’ flimkien aktar minn ħamsin anzjan u anzjana u tfal minn inħawi differenti tal-Kottonera permezz ta’ attivitajiet differenti fosthom edukattivi, sportivi u ħarġiet kulturali.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, li inawġurat din l-okkażjoni, faħħret lill-organizzaturi u t-tmexxija ta’ Ċentru Tbexbix għall-impenn tagħhom fi proġetti li qed iħallu ħafna ġid, fosthom il-komunità.
Dalli qalet li proġetti bħal dawn jikkonfermaw kemm il-flus li qed jgħaddi l-gvern lill-għaqdiet volontarji qed jintefqu tajjeb.
“Dan huwa l-aħjar mezz ta’ governanza biex intejbu l-ħajja tan-nies fejn qed tmissu r-realtajiet u l-problemi tan-nies u taraw kif tistgħu ttuhom ħajja aħjar” qalet Dalli.
Id-Direttur ta’ Ċentru Tbexbix Catherine Azzopardi tkellmet fuq il-ħidma taċ-ċentru tul dawn l-aħħar għaxar snin fejn minn proġett żgħir bi tmint itfal, illum huma impenjati b’diversi programmi u inizjattivi fosthom edukazzjoni neoumanista u servizzi soċjali lil tfal, żgħażagħ u anzjani mill-Kottonera.
Azzopardi ħabbret ukoll kif bħala parti mill-finanzjament, inxtara apparat tal-arja kundizzjonata li se jagħmel liċ-ċentru aktar komdu għall-attivitajiet varji li jorganizza. Dan flimkien ma’ għajnuna lill-għalliema, fondi għal taħriġ tal-voluntiera, u xiri ta’ ikel u riżorsi oħra.
Fi tmiem it-tnedija tal-proġett, il-Ministru Helena Dalli pparteċipat f’attività simbolika tal-arti fejn ħalliet il-marka tagħha tal-id b’kulur aħmar bħala simbolu ta’ koperazzjoni bejn ġenerazzjonijiet differenti.