Hekk kif numru ta’ proposti edukattivi kienu varati għall-konsultazzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo tkellem fuq il-kunċett tal-homeschooling.
Huwa spjega li wieħed irid ikollu warrant ta’ għalliem biex ikun jista’ jgħallem f’kuntest ta’ homeschooling.
“Homeschooling ma jfissirx li ġenitur jista’ jaqbad u jgħallem li jrid lit-tfal tiegħu. Homeschooling f’pajjiżna diġà jeżisti fejn jirrigwardja tfal li ma jistgħux joħorġu mid-dar” tenna Bartolo.
“Mhux se nippermettu sitwazzjoni fejn nirregolaw x’jiġri fl-iskejjel u nħallu nies jagħmlu li jridu fil-homeschooling. Il-homeschooling diġà jeżisti f’pajjiżna, fejn għandek każijiet ta’ tfal li minħabba raġunijiet ta’ saħħa ma jistgħux jattendu skola,ngħinuhom permezz tal-homeschooling."
Il-Ministru Bartolo semma kif fost dawn il-proposti li ġew varati hemm dawk li jirrigwardjaw tfal vulnerabbli fejn il-liġi se tkun iktar b’saħħitha biex tpoġġi l-interess tat-tfal bħala prijorità.
Huwa qal ukoll li se tissaħħaħ id-demokrazija fl-iskejjel u l-edukaturi jkollhom iżjed poteri biex jiffaċċjaw ir-realtajiet u l-isfidi madwarhom.