Hekk kif rega' wasal is-sajf, dawk kollha li jħobbu l-klieb jiftakru f'każ li seħħ is-sajf li għadda, fejn kelb miet maqful f' karozza ipparkjata fil-garaxx tal-katamaran waqt vjaġġ bejn Malta u Sqaliija.
Il-każ qajjem ħafna diskussjonijiet,intervisti fuq programmi tat-televiżjoni u midja soċjali u saħħansitra ġiet iffitmata petizzjoni biex tinbidel is-sitwazzjoni fuq il-katamaran. Mid-dehra wasal sajf ieħor u xejn għadu ma nbidel hekk kif is-sidien ta' annimali li jivvjaġġaw fuq il-katamaran jiġu mitluba biex iżommu l-annimali tagħhom fil-ġaraxx.
F'seduta tal-parlament, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima jekk huwa jistax jaċċerta li tinstab soluzzjoni immedjata għall-problema ta' klieb li qed jitħallew fil-garaxx tal-Katamaran, minħabba l-fatt li l-klima qed tisħon u aktar qed jikber ir-riskju għall-klieb li qed jiġu ordnati b'mod abbużiv li jibqgħu fil-karozzi fil-garaxx, b'riskju ta' heat stroke li jista' jkun fatali.
B'risposta għal dan, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, José Herrera saħaq li l-liġijiet ta’ Malta dwar it-trattament xieraq tal-annimali jimponu lill-operatur sabiex jevita kull forma ta’ periklu li tista’ b’xi mod toħloq tbatija bla bżonn lill-annimal.
Herrera qal fir-risposta tiegħu li l-liġi tgħid ċar ukoll, li sidien li jkunu qed iġorru magħhom pets huma wkoll responsabbli li jaċċertaw li l-annimali tagħhom huma b’saħħithom biżżejjed biex jivjaġġaw u li jekk dawn jitħallew ġol-karozza għandhom jiżguraw li għandhom ċirkolazzjoni tal-arja.
Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja qiegħed jissuġġerixxi modi sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-trasport filwaqt li jevalwa u jinvestiga każijiet fejn dan ma’ jseħx, għad-detriment tal-annimali.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, José Herrera għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.