
‘Il-bniet qed jaqgħu lura fil-klassi’
Għalliema mhux konvinti kemm il-koedukazzjoni hija ta' benefiċċju għall-istudenti, minkejja li l-istudenti u l-ġenituri huma pożittivi

More in Socjali
Għalliema mhux konvinti kemm il-koedukazzjoni hija ta' benefiċċju għall-istudenti, minkejja li l-istudenti u l-ġenituri huma pożittivi
Is-sistema edukattiva tal-koedukazzjoni rat lil subien u bniet jibqgħu jitgħallmu flimkien fuq l-istess bankijiet tal-iskola, anke wara l-iskola Primarja. Għaldaqstant, id-dinamika tal-klassi nbidlet, u m’għadhiex kif kienet sa ftit snin ilu, bis-subien u l-bniet separati fi skejjel differenti tal-istat. Minħabba f’hekk, diversi għalliema li ħadu sehem fi stħarriġ ikkummissjonat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-koedukazzjoni, kkummentaw li l-bniet fil-klassijiet se jkunu qed ibatu fl-edukazzjoni tagħhom, b’konsegwenza li dan jiġi wkoll rifless fil-marki li jġibu. L-għalliema li jgħallmu f’dawn l-iskejjel innutaw li hemm iktar enerġija fil-klassi u “s-subien iparlaw wisq”, u b’konsegwenza ta’ dan, “il-bniet jispiċċaw jibqgħu ftit lura fil-klassi.”
Tkellmu wkoll li d-diskussjonijiet fil-klassi, “saru diffiċli għaliex is-subien u l-bniet huma f’maturità differenti,” u għalhekk, dan ikun qed jaffettwa l-andament tal-klassi.
Semmew ukoll kif “il-bniet qed jitilfu ħafna mill-attenzjoni tagħhom minħabba s-subien,” li jirriskja li dawn l-istudenti bniet jaraw effetti negattivi fuq il-progress tagħhom. Dwar dan l-istess punt, kien hemm għalliem partikolari li rrimarka li l-koedukazzjoni qed tkun mod ta’ aljenazzjoni għall-istudenti bniet li jkun iktar moħħhom fl-istudenti subien, u viċi versa. Jgħid li, “l-co-ed qed toħloq opportunità biex l-istudenti jkunu moħħhom iktar f’xulxin u f’min ħa jinnamra ma’ dak u mal-ieħor, milli moħħhom fil-klassi.”
Is-sitwazzjoni għalissa jista’ jkun hi tajba, imma meta l-istudenti jikbru iktar?
Is-sistema koedukattiva fil-preżent, qed tiffunzjona fl-ewwel sentejn tal-iskola sekondarja, jiġifieri Form 1 u Form 2. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni kif se tiżviluppa fis-snin sussegwenti, wieħed għad irid jara. Fil-fatt, bosta għalliema wrew id-dubji tagħhom u fil-kummenti li għaddew qalu li jinsabu xettiċi dwar is-sistema fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja. Għalliema partikolari sostniet li “f’ċertu skejjel, ma rridx nimmaġina l-co-ed f’Form 3, Form 4 u Form 5.” Filwaqt li oħrajn tkellmu dwar kemm qed taħdem is-sistema tal-koedukazzjoni fl-ewwel sentejn tal-iskola sekondarja, sostnew li “għadu wisq kmieni biex wieħed jara r-riżultati”, u semmew kif “l-isfida tal-co-ed tikber meta l-istudenti jkunu minn Form 3 sa Form 5,” waqt li oħrajn issuġġerew li l-koedukazzjoni tibqa’ biss sal-Form 3. Uħud ikkwotaw problemi ta’ dixxiplina li kapaċi jaffaċjaw fil-futur, b’għalliem isostni li, “fis-senior school nibża’ li se jkun hemm problemi kbar ta’ dixxiplina bħala mġiba fil-pubertà.”