Baħar bnazzi għall-Gozo Channel
Ix-xitwa li għaddiet, il-Gozo Channel irreġistrat qligħ ta’ €395,000
minn John Busuttil
Ix-xitwa li għaddiet kienet l-ewwel waħda li fiha l-kumpanija Gozo Channel għamlet qligħ. Fil-fatt, il-kumpanija rreġistrat qligħ ta’ €395,000 fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju, b’kuntrast qawwi mat-telf ta’ €1.7 miljun li kienet qed tagħmel fl-istess perjodu sa’ tliet snin ilu.
Fl-istess perjodu ta’ żmien saru 8,682 vjaġġ li jimmarka żieda qawwija ta’ 727 vjaġġ mis-sena l-oħra u żieda ta’ 968 vjaġġ minn tliet snin ilu.
Dan jiżvelah iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina li f’kummenti mal-ILLUM jispjega wkoll kif bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex il-biljetti jibdew jinqatgħu miċ-Ċirkewwa, minflok minn Għawdex.
Huwa jiċħad rapporti fuq sezzjoni tal-midja dwar ordnijiet ta’ leave sfurzat u jispjega kif il-kumpanija talbet biss li jittieħdu sigħat twal ta’ leave li kienu ilhom jakkumulaw. Cordina jgħid li kien hemm ħaddiema b’saħansitra 200 siegħa leave akkumulati.
Il-Gozo Channel ittejjeb is-servizz u taqla’ iżjed€395,000 qligħ f’ħames xhur
· Żieda ta’ €750,000 fuq is-sena l-oħra u ta’ €1.7 miljuni fuq tliet snin ilu
· Se jsiru tined bil-pannelli fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr
· Nuqqas ta’ ħaddiema għax ħafna akkumulaw 200 ġurnata leave
kull wieħed li issa qed jittieħdu
Anke jekk kultant wieħed jisma’ jew jaqra xi tgergir dwar l-operat tal-Gozo Channel, jibqa’ fatt li taħt it-tmexxija taċ-chairman Joe Cordina, din il-kumpanija li għandha u dejjem kellha l-monopoplju għall-qsim bejn Malta u Għawdex għamlet passi ta’ ġgant.
Tant hu hekk li meta ltqajtna ma’ Joe Cordina qalilna li sal-aħħar ta’ Mejju li għadda, jiġifieri fl-ewwel ħames xhur tas-sena, il-kumpanija diġà għamlet qligħ ta’ €395,000. “U dan qed nitkellmu fuq ix-xhur tax-xitwa” qalilna ċ-chairman.
Din iċ-ċifra turi żieda ta’ madwar €750,000 fuq is-sena li għaddiet, u żieda ta’ €1.7 miljun fuq tliet snin ilu, minn meta Cordina ħa r-riedni tal-kumpanija f’idejh. Fil-fatt, fl-2013 fl-ewwel ħames xhur il-kumpanija kienet tilfet diġà €1.31 miljun u sas-sena li għaddiet fl-istess ħames xhur il-kumpanija kienet għamlet telf ta’ €346,000, u dis-sena qed tagħmel qligħ ta’ €395,000.
Mistoqsi x’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess, Cordina bi tbissima qalilna, “qtajna l-fsied u l-ħela, tejjibna s-servizz u żidna l-vjaġġi. Dan għen biex naqqasna l-ispejjeż żejda. Barra minn hekk, meta tkabbar is-servizzi, tiżdied id-domanda.”
Fil-fatt f’dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena, fejn il-vapuri jaħdmu bl-iskeda xitwija żdiedu 727 vjaġġ aktar mis-sena li għaddiet. Tliet snin ilu fl-istess żmien, il-vjaġġi tal-kumpanija fix-xitwa kienu 7,714. Dis-sena, fl-istess żmien saru 8,682-il vjaġġ, jiġifieri 968 vjaġġ aktar minn tliet snin ilu.
Joe Cordina qalilna wkoll li dan kollu qed isir minbarra l-fatt li l-kumpanija qed taffaċċja problema li s’issa għadha ma solvithiex. “Hemm turisti li qed jiġu Għawdex fuq il-vapuri tagħna u ma jħallsux, u jmorru lura b’dgħajjes oħra li joffrulhom li joħduhom Kemmuna qabel iwassluhom iċ-Ċirkewwa. Aħna għandna monopolju ta’ trasport mill-Imġarr saċ-Ċirkewwa u d-dgħajjes qegħdin joffrulhom trasport sa Kemmuna biex iduru mal-liġi. Hemm mijiet li qed jużaw is-servizzi tagħna lejn Għawdex u jagħtu l-flus lil ħaddieħor.”
Mitlub jgħidilna x’qed tagħmel il-kumpanija biex twaqqaf dan l-abbuż, Cordina qal li l-problema kienet li meta nbena t-terminal fiċ-Ċirkewwa ġie magħmul biex ma jkunx hemm sistema ta’ biljetti. “Imkien fid-dinja ma tivjaġġa ‘one way’ b’xejn, ħlief miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex. Qed naħdmu biex il-biljetti tal-inqas jinqatgħu miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex u mhux viċi versa.”
Tlabnieh jgħidilna dwar jekk hux minnu li l-Gozo Channel ħaddmet żewġ eksmembri tal-pulizija magħha mingħajr ħruġ ta’ sejħiet interni. “Iva, daħħalna tnejn. Pawlu Azzopardi bħala Port Facilities Security Officer (PFSO) li għalih kien hemm post vakanti u mlejnieh bih għax għandu r-rekwiżiti li għandna bżonn u lil Teddy Bajada bħala Kontrollur Intern. Dan kien bla dubju l-aqwa investiment li għamlet il-Gozo Channel għax kien hemm bżonn li jkun hemm kontrolli fuq kollox għax ma kien hemm kontroll ta’ xejn.”
L-impjieg ta’ Teddy Bajada kien l-aqwa investiment li għamlet il-kumpanija
Cordina qal ukoll li ma jaf li kien hemm l-ebda dipartiment li ġie żarmat bħalma ġie rrapurtat f’xi midja. “Iżda hemm nuqqas ta’ baħrin, vera u qed naħdmu fuq din. Il-fatt li ma daħħalniex baħrin oħra u dawk li hemm qed jaħdmu ħafna ħinijiet, huwa għaliex beħsiebna nagħtu ċans lill-ħaddiema tal-‘mooring’ li bħalissa jinsabu bil-leave twil, imorru bħala baħrin meta jidħlu lura. Ma rridux nimlew dawn il-postijiet u ma nagħtux ċans lill-ħaddiema li diġà għandna.”
Mistoqsi għaliex il-ħaddiema li jorbtu l-vapur jinsabu fuq leave twil, Cordina qal li dawn akkumulaw leave minn snin twal, “hemm minnhom li kellhom jieħdu mal-200 ġurnata leave u aħna tlabniehom li joħduhom ħalli ma ntellfuhomlhomx, iżda dan mhux ‘forced leave’. Sadanittant, biex ix-xogħol jibqa’ għaddej qabbadna kuntrattur biex iħaddem għaxar ħaddiema hu biex jorbtu l-vapur sa ma jidħlu lura l-oħrajn.”
Iċ-chairman qal ukoll li jrid li l-kumpanija ddaħħal kunċett li jkun hemm flessibbiltà fil-ħaddiema biex il-kumpanija tkompli miexja ’l quddiem. Anke dwar il-kaptana li mal-lejl qed ikollhom erba’ sigħat li fihom jibqgħu fuq il-vapur mingħajr vjaġġi, qalilna li dawn ikollhom diversi rapporti x’jiktbu u dan hu l-ħin adattat biex jiktbu r-rapporti li jkun hemm bżonn u jduru dawra l-vapur għall-manutenzjoni neċessarja.
Dan l-aħħar, wieħed seta’ jinnota wċuħ ġodda fost dawk li jaqtgħu l-biljetti għal min jivjaġġa bil-karozzi. “Ħriġna sejħiet interni, u kien hemm minn dawk li kienu jaħdmu fil-kafetterija li applikaw biex jaqtgħu l-biljetti. Ma kien hemm bżonn l-ebda kwalifika, u dawn huma diġà mdorrijin mal-konsumatur. Aħna żidna n-nies u mhux neħħejna lil min kien hemm, biex b’hekk inlaħħqu iżjed u nagħtu servizz aħjar.”
Cordina qalilna wkoll li l-kaffetterija ngħatat lill-kuntrattur biex iħaddem in-nies iżda l-qligħ tal-kafetterija hu tal-Gozo Channel. “Il-kuntrattur jieħu ħsieb in-nies biss. Għandna tliet kuntrattturi jaħdmu mal-Gozo Channel li t-tlieta li huma, huma Maltin għax Għawdxin ma kienx hawn li jagħtu dan is-servizz, iżda dawn iħaddmu ħaddiema Għawdxin.”
Staqsejnieh jekk hux minnu li l-vapuri mhux qed jingħataw il-manutenzjoni. Filwaqt li ħares lejja b’mod kemxejn sarkastiku qalli, “taħseb li dawk il-vjaġġi kollha tista’ taħdimhom b’vapuri mingħajr manutenzjoni? Bqajna nagħtuhom l-istess manutenzjoni bl-istess skeda li kienet tintuża dejjem. Ħallejna l-istess skeda għaddejja.”
Mijiet ta’ turisti qed jaqsmu lejn Għawdex b’xejn u jmorru lura b’dgħajjes oħra lejn Malta bl-iskuża li jgħadduhom Kemmuna
Cordina ma jaqbilx mal-iskeda ta’ filgħodu tas-sajf fejn jkun hemm erba’ vapuri mill-Imġarr u tlieta miċ-Ċirkewwa bejn is-6 ta’ filgħodu u s-7.30 am, li minflok kull tliet kwarti, jitilqu kull nofs siegħa. Fil-fatt dawn qatt ma jżommu l-ħin għax ma jlaħħqux jagħmlu l-vjaġġ, jitbattlu mill-passiġġiera, u jgħabbi f’nofs siegħa. “Xbajt nipprova nwaqqaf dawn il-ħinijiet għax hi impossibbli li tlaħħaq vjaġġ f’nofs siegħa. Dan qed jitfa’ pressjoni kbira fuq l-istaff li jridu jgħaġġlu biex in-nies ma jgergrux. U dan għad iwassal għal xi diżgrazzja bħalma ġara ftit tal-ġranet ilu, meta minħabba l-għaġla żejda, ir-rampa ma niżlitx sew u nirringrazjaw ’l Alla li ma saritx diżgrazzja. Irrid li dan it-tferfix jispiċċa, għax biex vapur jagħmilha minn naħa għal oħra, jrid tliet kwarti bilfors.”
Xi ħaġa li ddejjaq ħafna lil dawk li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer hu l-fatt li l-‘martial areas’ fejn jistennew il-karozzi ma fihomx kenn, u fis-sajf, in-nies jinkaljaw ruħhom waqt li jkunu qed jistenned. “Qed naħdmu dwarha,” wieġeb Cordina, “fil-fatt qed naraw biex nieħdu finanzjament forsi anke mill-Unjoni Ewropea biex nagħmlu tined miksijin bil-pannelli solari.”
Dan l-aħħar deher ritratt fuq blog partikolari fejn intqal li l-membru parlamentari Nazzjonalista, Chris Said ma telax fuq ir-rampa u stenna biex joqgħod isfel wara li mtliet ir-rampa. Staqsejnieh jekk din hix prassi li ssir minn membri parlamentari. Cordina qalilna li l-membri parlamentari għandhom prijorità li jaqbżu l-kju, “iżda jekk jitilgħux fuq ir-rampa jew le hi prerogattiva tal-kaptan jew l-first officer. Hu l-kaptan li jikkmanda l-vapur u d-deċiżjonijiet hu jeħodhom. Jien qatt ma ndħalt u m’iniex se nindaħal fid-deċiżjonijiet u r-raġuni għad-deċiżjonijiet tiegħu.”