Swar u Ħajja fiċ-Ċittadella
Eluf ta’ Għawdxin, Maltin u turisti żaru s-swar taċ-Ċittadella għall-attività “Swar u Ħajja”
More in Socjali
Eluf ta’ Għawdxin, Maltin u turisti żaru s-swar taċ-Ċittadella għall-attività “Swar u Ħajja”
Eluf ta’ Għawdxin, Maltin u turisti żaru s-swar taċ-Ċittadella, nhar is-Sibt 9 ta’ Lulju filgħaxija, meta din il-belt il-qadima ta’ Għawdex fetħet il-bibien tagħha u tas-siti ta’ interess kollha li jinsabu fiha matul il-lejl. L-attività “Swar u Ħajja” kienet l-ewwel attività kbira mill-istaġun #ċittadellagozo li bih qed jiġi ċċelebrat is-sinjifikat taċ-Ċittadella restawrata.
Il-Ministeru għal Għawdex ħaseb li immedjatament wara l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-proġett taċ-Ċittadella, li saret nhar il-Ħamis 30 ta’ Ġunju mill-Prim Ministru fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex, jorganizza attività kbira li tistieden lill-Għawdxin kollha, kif ukoll lill-Maltin u turisti sabiex iżuru, jesploraw u jiskopru s-seħer li toffri din il-belt antika bit-teżori kollha li fiha.
Għalhekk, l-entitajiet kollha li għandhom parti fl-attività ta’ kuljum taċ-Ċittadella wieġbu fil-pożittiv għas-sejħa tal-Ministeru u hekk, nhar is-Sibt sa nofsillejl, iċ-Ċittadella kienet miftuħa għall-pubbliku bil-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta, il-Qrati tal-Ġustizzja, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella bis-swali tal-wirjiet u ċ-ċinema tiegħu, il-Katidral ta’ Għawdex bil-kampnar, il-kappelli ta’ San Ġużepp u ta’ Santa Barbara fis-swar, kif ukoll ix-shleters tal-gwerra, il-fosos tal-qamħ, il-batterija u l-porvlista li huma mmexxija mill-għaqda Wirt Għawdex. Ma’ dawn kien hemm ukoll miftuħ iċ-Ċentru ġdid tal-Viżitaturi li bil-wirjiet awdjo-viżivi tiegħu baqa’ għaddej bla ebda interruzzjoni matul il-lejl kollu.
Iċ-ċentru tal-attivitajiet kienet iċ-Ċittadella nnifisha. Kull ħaġa u kull attività li seħħet matul il-lejl kienet addizzjonali u intiża sabiex min kien qed jattendi seta’ jiskopri rkejjen ġodda u japprezza s-seħer li ċ-Ċittadella rinovata issa toffri. Fil-Katidral ta’ Għawdex kien hemm tliet kunċerti korali, mal-ħitan tad-demi-bastjun ta’ San Martin kien hemm spettaku ta’ dawl u żfin akrobatiku minn kumpanija Taljana Vertical Waves waqt li fit-toroq medjevali u l-fdalijiet tad-djar taċ-Ċittadella kien hemm il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, Żfin Malta, b’installazzjoni kreattiva taż-żfin. Il-Foss taċ-Ċittadella kien iddedikat għall-epoki passati bi spettakli folkloristiċi, logħob tradizzjonali għat-tfal, u attivitajiet tal-arti u kreattività, waqt li rkejjen oħra suġġestivi laqgħu fihom drama interattiva dwar misteri, stejjer, leġġendi u sigrieti taċ-Ċittadella.
Il-ħajja fiċ-Ċittadella kompliet tingħata bis-sehem tal-gruppi mużikali MAE, Keith Anthony, Straight Ahead u Novel li taw kunċerti fi spazji differenti tal-fortifikazzjoni. Anki ċ-ċinema intima kienet attiva bil-wiri tax-short-film “Dar ir-Rummien” li nħadem f’Għawdex. Attivitajiet oħra kienu jinkludu wirja ta’ arti marbuta ma’ sunnetti, b’xogħol konġunt tal-awtur Alfred Grech u l-artist George Mario Attard, id-daħla ċeremonjali tal-Granmastru Wignacourt, teatru għat-tfal – The Complete History of Malta, u wirja fotografika tax-xogħlijiet ta’ restawr fiċ-Ċittadella minn qabel ma bdew s’issa li tlestew.
Ta’ suċċess kienet iċ-Ċittadella App, li permezz tagħha, il-viżitaturi kellhom servizz ta’ gwida bl-awdjo fuq il-mobiles tagħhom permezz tal-bluetooth u l-faċilità tan-nuċċalijiet 3D li bihom, il-video promozzjonali miġbud bit-teknoloġija 360o seta’ jintwera f’verżjoni 3-dimensjonali. Iċ-Ċittadella App bis-servizz tal-audio guide huwa investiment importanti li l-attivitajiet tal-ftuħ taċ-Ċittadella se jkunu ħallew warajhom biex hekk, miċ-ċelebrazzjonijiet kollha li jgħaddu ikun fadal legat utli u importanti li jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-viżitatur fiċ-Ċittadella.
Swar u Ħajja, bħala parti mill-istaġun inawgurali #cittadellagozo kienet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet fosthom l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Kunsill Malti għall-Arti u CVC Media.