L-ambjent: X’wirt se nħallu?
Il-problema ambjentali hija ta’ kulħadd, u kulħadd irid jifhem l-urġenza li dak li għad fadlilna nsalvawh.
More in Socjali
Il-problema ambjentali hija ta’ kulħadd, u kulħadd irid jifhem l-urġenza li dak li għad fadlilna nsalvawh.
L-ambjent huwa suġġett li ta’ sikwit jitqajjem fuq l-aġenda tal-pajjiż. Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar bini għoli u jekk f’pajjiżna hawnx post żvilupp ta’ binjiet li jitilgħu ’l fuq, ir-riperkussjonijiet viżwali li jħallu kif ukoll l-impatt soċjali u infrastrutturali.
Huwa tajjeb li qabel ma nniedu żviluppi kbar li f’temp ta’ żmien qasir iżidu n-numru ta’ nies li jgħixu jew jaħdmu f’żona, isir pjanar serju. Veru li jekk nibnu ’l fuq, ma nkunux qed nivvintaw ir-rota u lanqas inkunu qed nikkreaw xenarju li ma jeżistix f’pajjiżi oħrajn. Imma huwa importanti li nifhmu wkoll li kollox fih il-prezz tiegħu, u jekk se niddeċiedu li mmorru ’l fuq, mela allura għandna nkunu lesti li qabel ma nippreżentaw ħafna proġetti fuq il-karti u xinxillati, ikollna pjan serju.
Sfortunatament iżda, xi kultant jidher li qed ninsew l-istampa kollha u niffukaw biss fuq dak li jista’ jiġri minflok dak li fil-fatt qed jiġri bħalissa. Irridu jew le, ikollna nammettu li ħafna miż-żoni f’dan il-pajjiż li għadhom mhux mibnija, huma mifnija bi ħmieġ ta’ kull tip u telqa. Għadha tirrenja f’dan il-pajjiż sens li dak li hu ’l barra mill-għatba, mhux tagħna. Sal-ġimgħa l-oħra stess, irrapurtajna l-pastażata prima klassi li tħalliet bħal ferita f’foss f’Ħaż Żabbar, ħdejn parti mill-wirt imprezzabbli tagħna. Huwa tajjeb li l-Ministeru ta’ Joe Mizzi pront wieġeb lil din il-gazzetta u għarrafna li se jnaddaf il-post għall-ewwel darba, imma jibqa’ fatt li huwa skandaluż li fl-2016, meta hawn kull tip ta’ servizzi ta’ ġbir ta’ skart għad hawn min hu daqstant irresponsabbli li jitratta l-ambjent ta’ madwaru bħala spazju fejn jarmi dak li m’għandux bżonn. Skandaluż bil-wisq aktar hija l-injoranza li għadha teżisti lejn il-wirt storiku tal-pajjiż.
Nilmenatw ħafna li għandna politiċi li għalihom l-ambejnt mhux importanti, imma ta’ min nidbew nistaqsu jekk il-politiċi li għandna f’dan il-pajjiż hux qed jirriflettu s-sens ta’ disponibbiltà li nitrattaw l-ambjent bih. Ta’ min nibdew nistaqsu għaliex f’pajjiż dens, mimli bini u bi ftit ambjent naturali, m’hawnx kjass sħiħ ta’ poplu jipprotesta biex isalva l-ftit wirt naturali li għad fadlilna. Ta’ min nistaqsu għaliex tant aħna ossesjonati bil-konkrit li kważi kull ġnien li niftħu f’dan il-pajjiż huwa magħmul minn ħafna konkrit, ħafna bankijiet u ftit siġar.
Fejn hi l-kburija lejn dak li rregalatna bih in-natura? Għalfejn sirna tant egoisti li niġbdu lejna biss b’dak li mhux tagħna? Fejn hi l-imħabba lejn uliedna jekk se nħallulhom ġungla ta’ konkrit fil-wirt tagħna?
Il-vera problema ambjentali hija ta’ kulħadd, u kulħadd irid jifhem l-urġenza li dak li għad fadlilna nsalvawh. Inutli nwaħħlu fil-Gvern ta’ qabel u fil-Gvern tal-lum. Irridu nwaħħlu f’kull Gvern li kien hawn fl-aħħar snin u rridu nħarsu ħarsa lejna nfusna wkoll.
Qabel l-ambjent ngħożżuh u niġġieldu għalih bl-istess għożża u kburija li nuru għal ħwejjiġna u l-investimenti li nagħmlu f’ħajjitna, pajjiżna mhux se jieħu r-ruħ. Huwa fl-interess tagħna li nnaddfu u nikkuraw lil pajjiżna mill-ġerħiet ambjentali, u nivvutaw lill-poltiċi li jwiegħdu dan. Huwa fl-interess tagħna li nesiġu l-perfezzjoni lil hinn minn djarna kif nesiġuha ġewwa djarna.
Jew hekk, jew inkella ulied uliedna se jkollhom imorru f’mużew biex jaraw siġra! Dak ikun l-agħar wirt u l-aktar wirt egoist li nistgħu qatt inħallu warajna.