Il-Kunsill lokali ta' Birżebbuġa, lbieraħ inawgura uffiċjalment it-Tourist Trail f'Birżebbuġa.
Kevin Barun, is-sindku ta' Birżebbuġa saħaq li "jinsab sodisfatt ħafna li wara snin twal fejn l-aspett turistiku f'Birżebbuġa ma kienx qed jingħata l-importanza li tixraqlu, fl-aħħar snin ingħatat spinta u diġà qed jinħass l-effett pożittiv fuq il-lokalita."
Huwa sostna li "bil-proġett ta’ dan iċ-ċirkwit Turistiku, it-turist, kemm dak barrani kif ukoll dak lokali, mhux sempliċiment jiġi jżur is-sit ta’ Għar Dalam, iżda jingħata l-għarfien u l-opportunità li jesplora il-wirt storiku uniku li jinsb ġewwa Birżebbuġa."
Barun jiddeskrivi dan il-proġett bħala uniku għax tista’ tgħid li Birżebbuga huwa l-uniku post f'Malta u Ghawdex li ssib wirt minn kull era, minn żmien il-preistorja tul iż-żminijiet kollha sa żmien l-Ingliżi. "Fost dawn jispikkaw Għar Dalam, Borg in-Nadur u l-fortifikazzjonijiet fiz-żona biswit, Villa u Ġiebja Rumana, id-dar ta' Pultu, fosos, Kappelli, Knejjes, u diversi tipi ta fortifikazzjonijiet u binjiet ta difiża kostali." spjega s-sindku.
Dan il-proġett jinkludi brand ġdida li se tibda tintuża fuq il-materjal kollu, bl-isem ta’ Love Birżebbuġa. Il-proġett li sar hu kompost minn mapep kbar informattivi madwar il-lokalità, fuljetti b’informazzjoni u mapep li se jitqassmu minn postijiet strateġiċi bħal Għar Dalam, Ċentri ta' informazzjoni għat-turisti madwar Malta, kif ukoll il-kunsill lokali stess.
Barun spejga li "ser titniehda websajt ġdida, iktar informattiva u utli, u li se tkun ukoll preżentata f'ammont ta' lingwi. Dawn kollha jippuntaw għal 21 pannella ta informazzjoni fis-siti indikati fejn hemm informazzjoni relevanti għal min ikun fil-post."
Dan il-proġett hu l-bidu ta' sensiela ta' inizjattivi li jindirizzaw it-turiżmu dirett fil-lokalita u fin-naħa t’isfel ta Malta, b'hekk inkomplu inkattru l-kultura u l-istorja kemm tal-lokalita kif ukoll tal-pajjiż.
"It-Tourist Trail," tenna Barun, "ma involvietx biss il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa, speċjalment is-Segretarju Ezekuttiv Svetlick Flores iżda wkoll tal-fotografu lokali Anthony Xuereb kif ukoll l-Għaqda Storja u Kultura li għamlu ir-riċerka."
"Għalkemm dan il-proġett kien ilu mixtieq mill-Kunsill Lokali għal diversi snin," temm jgħid Barun, "ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna finanzjarja mill-Ministeru tat-Turiżmu u permezz tal-Fondazzjoni għall-iżvilupp taz-zoni Turistiċi, b'mertu għall-Ministru Edward Zammit-Lewis, kif ukoll is-Sur Joe Debono."