Aktar minn €1.2 miljun f'għajnuna lil 17-il kunsill lokali

Dan wara li f’dawn l-aħħar tliet snin, id-Direttorat għat-tindif digà nvesta mal-€400,000 biex is-servizz ta' tindif ikompli jilħaq aktar lokalitajiet.

Għajnuna bi spiża ta' madwar 1.2 miljun ewro offruta lil 17 il-Kunsill Lokali
Għajnuna bi spiża ta' madwar 1.2 miljun ewro offruta lil 17 il-Kunsill Lokali

"Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, permezz tad-Direttorat għat-Tindif, preżentament qed joffri għajnuna lil 17-il kunsill lokali, u dan bi spiża addizzjonali ta’ aktar minn 1.2 miljun ewro għad-Direttorat."

Dan qalu l-Ministru Joe Mizzi, meta kien qed iżur operazzjoni estensiva ta’ tindif ta’ skart li ntrema b’mod illegali f’żona residenzjali f’Birkirkara, li hija t-tielet darba li saret fi żmien sentejn.

Il-Ministru qal li l-fiduċja f’dan id-Direttorat qiegħda kontinwament tiżdied u l-pubbliku qed japprezza aktar il-ħidma li qiegħda ssir. Huwa qal li diversi kunsilli lokali qed jersqu lejn id-Direttorat biex jinqdew mis-servizzi li joffri u għaldaqstant, il-Ministeru, qed jaħseb biex jakkomoda aktar kunsilli lokali, però, biex dan isir, hemm bżonn ta’ aktar riżorsi umani u aktar makkinarju. Il-Ministru fakkar li f’dawn l-aħħar tliet snin, id-Direttorat investa mal-400,000 ewro u l-ġimgħa li għaddiet xtara aktar makkinarju biex is-servizz ikompli jilħaq aktar lokalitajiet.

Skart u radam f'ħafna lokalitajiet f'Malta
Skart u radam f'ħafna lokalitajiet f'Malta

Hemm għadd ta’ kunsilli lokali oħrajn li fiż-żmien li ġej, se jibdew jingħataw għajnuna li qatt ma ngħataw, fosthom kunsilli lokali fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż li għal snin sħaħ kienu fi stat ta’ abbandun.

Dwar is-servizzi tad-Direttorat, il-Ministru qal li daħlu ‘l fuq minn 5,000 każ f’sentejn, li minnhom ġew solvuti 98% u persentaġġ kbir minnhom huma tal-kunsilli lokali. Matul dawn l-aħħar sentejn inħoloq freephone ġdid 1718, saret website ġdida garbyandtidy.org.mt, ġew introdotti mobile apps għal sistemi ta’ ios u android, u sar investiment għal sistema ta’ IT interna biex l-ilmenti li jaslu mingħand il-pubbliku jiġu indirizzati fl-iqsar żmien possibbli. 

“Dan kollu jorbot ma’ inizjattivi li ttieħdu mal-kampanja edukattiva ‘Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek?’, li preżentament qed issir ħidma kbira speċjalment fl-iskejjel permezz ta’ messaġġi edukattivi bil-preżenza ta’ Garby and Tidy li huma ż-żewġ mascots uffiċjali f’konnessjoni ma’ din il-kampanja,” żied jgħid il-Ministru. Barra minn hekk, ġie disinjat ktejjeb apposta li qed jitqassam lit-tfal, u semma kif kumpanija privata ffinanzjat l-ispiża tal-istampar tiegħu.

Barra minn hekk, sar investiment qawwi fil-ħaddiema, qed jiġu organizzati korsijiet interni ta’ kif għandu jsir tindif, ingħatat uniformi lill-ħaddiema kollha, sar rebranding promozzjonali fuq il-vetturi kollha tad-Direttorat u qed jintwerew diversi reklami televiżivi li juru realtajiet li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema waqt il-ħidma tagħhom.

Id-Direttur għad-Direttorat tat-Tindif Ramon Deguara qal li huwa stmat li hemm madwar disa’ trakkijiet mill-kbar li bejn wieħed u ieħor jammontaw għal aktar minn 200 tunnellata ta’ skart illegali. Huwa qal li f’din iż-żona se tkun qed titwaħħal CCTV camera, waqt li appella lill-pubbliku biex jirrapporta aktar każi ta’ skart illegali.

More in Socjali