Diversi Kunsilli Lokali rebħu unuri fil-qasam tar-riċiklaġġ tal-iskart meta kienet organizzata l-edizzjoni tal-Greenpak Local Council Awards organizzata mill-Greenpak Cooperative Society.
Dawn l-unuri iservu biex jirrikonoxxu d-diversi Kunsilli Lokali li ddistingwew ruħhom fir-riċiklaġġ tal-iskart biex b’hekk tkompli titjieb il-ħajja tal-komunitajiet billi jitjieb l-ambjent lokali.
Waqt iċ-ċerimonja tal-unuri, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo tkellem fuq is-servizzi utli li joffru l-Kunsilli Lokali fejn jidħol ġbir tal-iskart. Buontempo qal li "l-immaniġjar tal-iskart hu parti mill-immaniġjar sosstenibbli tal-ambjent, u għalhekk il-Kunsilli Lokali huma parti integrali fl-istrateġija għall-immaniġjar tal-iskart."
Buontempo saħaq ukoll li "Il-Kunsilli Lokali huma sħab importanti mal-Gvern fl-istrateġija nazzjonali tal-immaniġjar tal-iskart." filwaqt li kompla jgħid li "l-istrateġija ma tista qatt ikollha suċċess jekk mhux bil-parteċipazzjoni sħiħa u bl-impenn tal-Kunsilli Lokali."
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo temm jgħid li "l-immaniġjar tal-iskart u r-riċiklaġġ tolqot il-komunitajiet direttament f’dimensjoni soċjali, ekonomika u ambjentali u l-Kunsilli Lokali għandhom iqajjmu kuxjenza u jservu wkoll biex l-istrateġija nazzjonali tal-immaniġjar tal-iskart tkun ta’ suċċess."