Żewgt ifkieren, li ġew imsemmija Esther u Sara minn Nature Trust, niżlu lura fil-baħar mill-bajja tal-Ġnejna, wara li qattgħu disa' xhur ta' riabilitazzjoni fiċ-ċentru ta' San Luċjan.
Membri ta' Nature Trust, fil-preżenza tal-Ministru għall-ambjent, Josè Herrera, attendew għall-dan l-avveniment li hekk kif jidher fil-filmat, ra ż-żewgt ifkieren imorru lura fl-abitat naturali tagħhom.
Esther kienet salvata s-sena l-oħra u meħuda għall-kuri f'San Luċjan wara li nstabet b'ganċ tas-sajd imqabbad f'ħalqha u ġerħa gravi f'waħada mill-pinen ta' quddiem tagħha.
L-istess bħal Esther, Sara wkoll ġiet salvata mill-mewt hekk kif instabet b'ganċ tas-sajd ma' ħalqha u mdawwra bix-xlief tas-sajd.
Esther u Sara damu disa' xhur jirkupraw mill-ġrieħi mġarrba, qabel kienu fi stat li jerġghu jinżlu jgħixu fil-baħar. Bħalissa fiċ-ċentru ta' San Luċjan, hemm tlett ifkieren oħra li ġew salvati mill-mewt u qegħdin jirkupraw minn ġrieħi.
Minbarra xlief u ganċijiet tas-sajd, kawża oħra li minħabba fiha jmutu ħafna fkieren hija l-ammont ta' skart tal-plastic li jinsab fil-baħar, li sfortunatment, il-fkieren jibilgħu meta jaħsbuhom bram. Infatti s-sena l-oħra kienet instabet fekruna mejta b'borża tal-plastic fl-istonku.
Għaldaqstant in-Nature Trust qed tappella lill-pubbliku, biex ma jħallix ħmieġ fuq il-bajjiet, speċjalment platic, li jista' jkun fatali għall-fkieren.
Appell ieħor mingħand Nature Trust (Malta) huwa li jekk xi ħadd isib fkieren feruti fil-baħar, wieħed għandu jirrapporta lill-Wildlife Rescue u ma jmissx lill-fekruna, jew jipprova jneħħi x-xlief minn magħha, peress li dan jista' anke joqtol lill-fekruna.
In-numru ta' emerġenza li għandu jintuża huwa 9999 9505
Nature Trust, qegħda wkoll tiġbor donazzjonijiet li jmorru għall-kuri mediċi ta' dawn l-annimali li jinstabu mweġġa.
Għall-aktar informazzjoni ikkuntattjaw lill-Nature Trust fuq [email protected]