Żewġt irġiel barranin jaħtfu u allegatament jistupraw tfajla

Tfajla Taljana ġiet maħtufa u allegatament struprata minn raġel Niġerjan u ieħor minn Burkina Faso kmienu dalgħodu

Żewġt irġiel Niġerjani arrestati fuq akkużi ta' stupru
Żewġt irġiel Niġerjani arrestati fuq akkużi ta' stupru

Tfajla Taljana ġiet maħtufa minn żewġt irġiel barranin waqt li kienet fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorg, San Ġiljan, fejn wara ttieħdet b'karozza f'Pembroke u allegatament ġiet struprata fl-istess karozza miż-żewġt irġiel.

Il-Pulizija mill-għassa ta' San Giljan, ġiet infurmata kmieni dalgħodu bil-każ, fejn marru immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarrig illi għamlu rriżulta li żewg persuni ħatfu tfajla u saqu lejn id-direzzjoni ta’ Pembroke. Bl-għajnuna tal-persuni li kien hemm fuq il-post, ġiet identifikata l-vettura li kienu qegħdin jużaw dawn iż-żewġ persuni u l-Pulizija telqu minnufih fid-direzzjoni indikata.

Malli l-Pulizija waslu fl-akwati ta’ Pembroke, ġiet innutata vettura pparkjata, bħal dik li kienet ġiet deskritta minn xi nies fuq il-post tal-inċident aktar qabel. Ħdejn il-vettura kien hemm raġel jippassiġġa li malli ra lill-Pulizija, ħarab jiġri minn fuq il-post, iżda ġie arrestat ftit wara.

Il-Pulizija innutaw li fil-vettura kien hemm raġel ieħor kif ukoll tfajla. Għaldaqstant ir-raġel ġie miżmum mill-Uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li issejħet ambulanza sabiex tieħu lit-tfajla l-Isptar Mater Dei ħalli tingħata l-kura meħtieġa peress li hija allegat li kienet ġiet stuprata miż-żewġt irġiel.

L-irġiel li l-età tagħhom hija ta’ bejn it-34 u s-36 sena u li huma minn Niġerja u Burkina Fazo, qegħdin jinżammu mill-Pulizija sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet. Il-vittma li għandha 30 sena u li hija Taljana għadha qed tinżamm l-Isptar filwaqt li hija ukoll qegħda tassisti lill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha. 

Bil-każ ġiet infurmata ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Galea LLD li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

More in Socjali