‘Itfgħu ġo gaġġa jew aqbeż ’il barra’

Tista’ żomm kelb f’idejk fuq tal-linja...jekk issib lix-xufier f’burdata tajba

 

Passiġġieri li jitilgħu fuq tal-linja b’kelb, jew annimal ieħor mhux maqful  qed ikollhom jaffaċċjaw it-twissijiet tal-ħaddiema tal-kumpanija li topera t-trasport pubbliku. Dan anke jekk jidher li m’hemm ebda direzzjoni ċara dwar jekk passiġġier jistax ikollu kelb jew le f’idejh fuq tal-linja.

Minn kuntatt li għamlet din il-gazzetta mas-sezzjoni tal-customer care tal-Malta Public Transport (MPT) ġejna infurmati li fil-fatt jekk persuna titlax jew le bil-kelb fuq tal-linja, hija “fid-diskrezzjoni tax-xufier, jiddeċiedi hu.”

L-ILLUM waslulha lmenti mingħand xi persuni li kienu fuq tal-linja bil-kelb mhux f’gaġġa u li ntqal lilhom bl-aktar mod ċar li ma jistgħux iżommu annimali meta jużaw it-trasport pubbliku, jekk dawn ma jkunux maqfulin.

Dawk li kellmu lil din il-gazzetta qalu li dispatcher partikolari għamilha ċara lill-passiġġiera li kienet fi triqitha lejn l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali li jekk terġa’ ttella’ lill-kelb tagħha fuq tal-linja, setgħet tagħmel dan biss jekk il-kelb ikun maqful fi speċi ta’ gaġġa apposta għall-annimali. Huwa għarrafha li x-xufier kellu kull dritt ma jtellagħhiex fuq ix-xarabank jekk tinsisti mod ieħor. Infurmaha wkoll li ħadd mill-ħaddiema mhu se jinżamm responsabbli jekk xi ħadd jirraporta l-fatt li kienet qed iġġorr kelb, jew jekk il-kelb jagħmel għan-nies. Min-naħa l-oħra, jidher li sid il-kelb ma tantx qagħdet wisq għal dan l-atteġġjament u rrispondiet li l-kelb tagħha jbati ġol-gaġġa, “filkas għamlu tal-linja għall-klieb,” kompliet tisħaq.

Meta l-ILLUM għamlet kuntatt mas-servizz tal-customer care tal-MPT u ppreżentat ruħha bħala klijent tat-trasport pubbliku, il-persuna fuq il-linja ma setgħetx tagħti informazzjoni dwar jekk nistgħux nitilgħu fuq xarabank b’annimali mhux maqfulin. Ftit mumenti wara li tħallejna nistennew, il-persuna mill-MPT spjegat kif preferibbilment kull pet jittella’ maqful, iżda jekk ma kellniex gaġġa, stajna ntellugħ fuq idejna. “Huwa x-xufier li jiddeċiedi jekk titlax jew le, hemm xufiera li ma jsibux problema u hemm oħrajn li jsibu problema b’annimal mhux maqful fuq ix-xarabank.”

L-ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura u talbet għal informazzjoni dwar jekk il-kumpanija tat-trasport pubbliku għandhiex politika stabbilita dwar l-annimali. Sakemm morna għall-publikazzjoni konna għadna ma rċevejniex risposta.

More in Socjali