Sitt xhur wara u għadu lampa stampa.....

Fl-2014 ammettew li ħadu żball meta ħadulu l-proprjeta u sentejn wara għadu b'xejn

Minkejja li għaddew sitt xhur sħaħ minn meta din il-gazzetta kienet ippubblikat storja dwar l-inġustizzja li sofra Edgar Farrugia fl-2005, hu u l-familja Farrugia għadhom jittewbu u bla ebda forma ta’ kumpens. Dan wara li l-proprjetà tagħhom fi Triq San Nikola l-Belt Valletta kienet rekwiżita fl-1988 u sussegwentement, fl-2005 trasferita darbtejn f’24 siegħa minn wara daharhom u mingħajr ma ħadu sold f’kumpens.

Anke jekk fil-fatt id-Dipartiment tal-Artijiet ammetta l-iżball, sitt xhur wara li kienet ippubblikata din l-istorja, 11-il sena wara li kienet trasferita l-proprjetà ta’ Farrugia lill-kumpanija lokali minn wara dahru u 16-il sena wara r-rekwiżizzjoni, Farrugia għadu lampa stampa. Mhux talli hekk, talli f’kuntatt ma’ din il-gazzetta Farrugia qal li minn mindu żvela l-każ tiegħu mal-ILLUM sab biss bibien magħluqin.

‘Risposti ma ħadt xejn, mingħand ħadd’

“Għajjejt u tkissirt niġri biex nieħu ġustizzja, biex nieħu dak li d-Dipartiment tal-Artijiet stess qal li hu tiegħi,” saħaq Farrugia mal-ILLUM, li spjega wkoll kif wara li l-każ tiegħu ħareġ fil-pubbliku, minflok għajnuna sab biss bibien magħluqa.

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar, l-ILLUM kienet żvelat kif kien id-Dipartiment tal-Artijiet stess li f’ittra datata 8 ta’ April 2014 ammetta li kien sar żball għad-detriment ta’ Farrugia u l-familja tiegħu u wiegħed li jingħata kumpens. L-ittra, indirizzata lill-avukat ta’ Farrugia, Francesca Zarb, kienet tgħid hekk: “Ninfurmak illi permezz ta’ din l-ittra, qed jiġi kkonfermat li sar żball minn naħa tad-Dipartiment meta sar ħlas ta’ kumpens lis-soċjetà (li għalissa mhux se nippublikaw isimha) għall-proprjetà li tappartjeni lill-klijent tiegħek (Edgar Farrugia).”

L-ittra tkompli billi twiegħed hekk: “Għaldaqstant dan id-Dipartiment se jieħu azzjoni immedjata u konsegwentement isir ħlas lill-aħwa Farrugia.”

Din it-taħwida saret fid-Dipartiment fl-2005, biss Farrugia sar jaf biha fl-2013 meta mar il-‘Lands’ u hemmhekk kien intqal lilu li fil-fatt il-ħlas lill-familtu f’kumpens għat-trasferimenti, (li wkoll sar jaf dwarhom permezz ta’ terzi) kienu diġà ngħataw. Wara li baqa’ jiċħad dan, huwa talab li jara l-kuntratti li permezz tagħhom, suppost, kien irċieva kumpens għat-trasferiment, iżda meta dan il-kuntratt ġie f’idejh sab li l-ħlas kien sar lil kumpanija, ma’ nies li hu u l-familja tiegħu ma kinux jafu bihom.

Għalkemm Farrugia saħaq li n-nies li kellu kuntatt magħhom, fosthom ma’ Peter Mamo mill-Lands u mas-Segreterju Parlamentari Deborah Schembri, “kienu ġentili, s’issa risposti ma ħadt xejn mingħand ħadd. L-unika ħaġa li għandi hija l-ittra fejn il-Lands jammettu l-iżball u jwiegħdu kumpens.”

 

Jannar 2016  - L-istorja ta’ Edgar Farrugia tkun żvelata fuq il-gazzetta ILLUM u jsir rapport dwarha wkoll fil-bullettin tal-aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista ONE, dakinhar stess.

Lulju 2016 – Farrugia jibqa’ bla kumpens sentejn u tliet xhur wara li kien imwiegħed dan mid-Dipartiment tal-Artijiet u 11-il sena wara li l-proprjetà kienet trasferita minn wara dahru u dahar il-familja tiegħu. 

 

More in Socjali