Żgumbrament ieħor fil-Belt

‘Mhux daqshekk faċli ssib alternattivi fil-Belt’

 

Erba’ ħwienet u dawk li jaħdmu fihom fil-Belt Valletta qed jiffaċċjaw futur inċert hekk kif intbagħtitilhom notifika ta’ żgumbrament u s’issa jidher li għadhom ma ngħatawx post alternattiv għan-negozju tagħhom. L-ILLUM hija infurmata li tnejn minn dawn il-ħwienet qegħdin man-naħa tal-faċċata tal-Konkatidral u tnejn oħra fi Triq il-Merkanti.

Dan qed isir hekk kif il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann bdiet bi proġett ambizzjuż ta’ estensjoni tal-Mużew biex ikun jista’ jesebixxi aħjar it-tapizzeriji mill-isbaħ.

Kelliema għas-Segretarjat tal-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva ikkonfermat in-notifikazzjoni tal-iżgombru u qalet li s-Segretarjat jiltaqa’ mal-avukati rispettivi tan-negozjanti, ladarba “jkollna l-informazzjoni mill-Fondazzjoni.”

Intant l-istess kelliema kkonfermat li minkejja n-notifika ta’ żgumbrament, s’issa għadu ma nstab l-ebda post alternattiv għall-istess erba’ negozji. “Sfortunatament, postijiet alternattivi fil-Belt mhumiex daqshekk possibbli u għaldaqstant iridu jsiru arranġamenti oħrajn li bħalissa qed jiġu diskussi mal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, peress li l-kera titħallas lilha.”

Kien id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li f’diversi mistoqsijiet Parlamentari li għamel staqsa dwar dan l-iżgombru. Callus staqsa għalfejn dawn ma ngħatawx post alternattiv. Staqsa wkoll jekk sarux laqgħat ma’ dawn is-sidien ta’ negozji u jekk il-Gvern kienx mitlub biex jagħti kumpens finanzjarju lill-istess sidien. Callus staqsa wkoll meta kien deċiż li jtemm il-kirjiet.

Dawn il-mistoqsijiet saru kollha lill-Prim Ministru Joseph Muscat li taħt l-Uffiċċju tiegħu jaqa’ d-Dipartiment tal-Artijiet. Għall-ebda minn dawn il-mistoqsijiet ma ngħatat tweġiba.

Il-proġett tal-Fondazzjoni jinkludi estenjoni u rinovar tal-Mużew preżenti wkoll, li se jkollu d-daħla tiegħu fi Triq il-Merkanti. Intant se jinbena mal-1,300 metru kwadru biex ikun jista’ jikber l-istess mużew b’200 metru kwadru ddedikati lill-pittur famuż Caravaggio. Il-pittura ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann Battista hija waħda mill-bosta opri tal-arti li dan l-isbaħ monument storiku ta’ pajjiżna fih.

 

 

 

More in Socjali