Konċessjoni ta’ 15-il sena għall-Addolorata

...investiment ta' €16-il miljun li se jinkludi l-estensjoni taċ-ċimiterju

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li se toħroġ Prequalification Questionare għall-proġett fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-konċessjoni għal dan il-proġett se tkun ta’ 15-il sena.

Dan l-investiment mistenni jkun ta’ €16-il miljun u se jinvolvi l-estensjoni ta’ oqbra ġodda fl-Addolorata, restawr ta’ partijiet miċ-ċimiterju eżistenti, kif ukoll immaniġġjar u manutezzjoni tal-kumpless kollu tal-Addolorata. 

Il-Prequalification Questionare mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-saga tal-estensjoni tal-Addolorata tmur lura diversi snin, fil-fatt ix-xogħol ta’ skavar għal din l-estensjoni kien beda fl-2008. Wara li ntefqu €1.5 miljun, ix-xogħol kien waqaf nofs triq f’Diċembru tas-sena 2010 u eventwalment il-permess skada.  

Fl-2013, eżatt qabel l-elezzjoni, kienu saru 369 konvenju għall-oqbra għall-estensjoni tal-Addolorata mill-gvern ta’ Lawrence Gonzi, meta l-permess għal din l-estensjoni lanqas biss kien ingħata. Fil-fatt, meta ħarġu dawn il-konvenji, l-permess tal-MEPA kien ilu li skada sena u kien biss il-gvern prezenti li reġa’ attiva l-applikazzjoni biex fil-fatt ingħataw mill-MEPA aktar kmieni din is-sena. 

Is-sit ta’ din l-estensjoni, li tinsab fiż-żona magħrufa bħala tal-Ħorr fin-nofsinhar taċ-ċimiterju, ilha snin tkun abbużata bħala sit ta’ rimi ta’ skart. L-istil ta’ din l-estensjoni se jkun semiċirkolari kif iddisinjat mill-Perit Galizia biex jikkumplimenta l-importanza storika ta’ dan iċ-ċimiterju.

“L-Addolorata, huwa post sagru u uniku, post li jeħtieġ manutenzjoni kbira. Għal snin sħaħ dan il-post tħalla waħdu fil-ħemda u ftit li xejn saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni, jekk mhux dawk li kienu assolutament neċessarji. Huwa post antik u għandu bżonn restawr estensiv. Għaldaqstant biex inkunu nistgħu nagħmlu l-estensjoni u fl-istess ħin nagħtu d-dinjità, restawr u manutenzjoni li jistħoqlu dan il-post se nkunu qegħdin noħorġu din is-sejħa,” qal Fearne.  

Min se jirbaħ il-konċessjoni se jkun responsabbli wkoll mis-servizzi offruti f’dan iċ-ċimiterju fosthom dfin u tindif ta’ oqbra.

More in Socjali