Skola primarja f’San Pawl: Barra mill-ODZ u fil-qalba tal-Qawra
Il-Gvern jibdel is-sit tal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar u jkabbarha b’1,700 metru kwadru
minn Albert Gauci Cunningham
L-iskola primarja l-ġdida ta’ San Pawl il-Baħar, b’investiment ta’ €8 miljun, mhux se tkun qed tinbena viċin il-masġar ta’ Kennedy Grove, fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) kif kien ippjanat oriġinarjament, iżda se timxi lejn il-qalba tal-Qawra, ftit wara l-knisja parokkjali ta’ San Franġisk.
Il-lokazzjoni oriġinali tal-iskola primarja fuq medda ta’ 7,900 metru kwadru ta’ art kienet ġabet ir-rabja ta’ bosta, fosthom ambjentalisti u mhux b’anqas residenti li jgħixu ħdejn il-masġar, hekk kif l-art, apparti li hija ODZ kienet inizjalment ukoll magħżula biex fiha jsir it-tkabbir tal-Park tas-Salini.
Minkejja dan, sorsi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) qalu lill-ILLUM li din il-bidla tirrifletti, kemm ix-xewqa tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li l-iskola tkun iktar fiċ-ċentru tal-lokal, kif ukoll it-tieni għażla tal-Gvern li jmur għal art li fiha jista’ jsir żvilupp.
Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) diġà ħarġet il-permessi neċessarji biex f’dawn l-aħħar ġimgħat seta’ jingħata bidu għax-xogħol ta’ tħammil u skavar. Apparti l-bidla fis-sit fejn se ssir l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar, l-applikazzjoni li hemm quddiem il-PA turi wkoll li l-iskola tkabbret b’1,700 metru kwadru, biex issa se tkun tkopri total ta’ 9,600 metru kwadru.
Mill-‘case officer report’ tal-PA jirriżulta li x-xogħol fuq dan il-proġett se jkun qed jinqasam f’fażijiet differenti minħabba li ż-żona hija waħda turistika u allura ma jkunx jista’ jsir ċertu tip ta’ xogħol matul ix-xhur tas-sajf. L-applikazzjoni għall-bini tal-iskola għadha qed tistenna l-approvazzjoni tal-PA.
L-iskola li tifforma parti mill-kulleġġ Maria Reġina se jkun fiha biżżejjed klassijiet biex fiha jattendu madwar 500 student u studenta u se tkun mibnija fuq ħames sulari. Taħt l-istess skola se jsir parkeġġ li fih jistgħu joqogħdu sa 400 karozza u li barra mill-ħinijiet tal-iskola, jkun jista’ jintuża mill-pubbliku in ġenerali. Fuq il-bejt, skont l-applikazzjoni mressqa quddiem l-awtorità, se jitwaħħlu panelli solari.
Il-ħtieġa għal din l-iskola ilha tinħass għal bosta snin, għalkemm il-Gvern preżenti poġġa dan il-proġett b’investiment ta’ €8 miljuni fil-lista ta’ prijoritajiet fil-qasam edukattiv. Dan hekk kif il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li llum tinkorpora wkoll iż-żoni ta’ Buġibba, Qawra, Burmarrad, Wardija u anke x-Xemxija, hija waħda mill-lokalitajiet li qed tikber b’rata mgħaġġla ferm. Dan qed jitfa’ piż qawwi fuq l-iskola li hemm fil-preżent, fiż-żona tal-Knisja Parrokkjali tad-Duluri.
L-iskola primarja li qed tintuża’ bħalissa ilha mibnija mill-1956 u llum tilqa’ fiha aktar minn 1,000 student, b’persentaġġ qawwi ħafna minnhom huma barranin li ġew jgħixu f’pajjiżna.
Skont statistika tal-2014, f’San Pawl il-Baħar jgħixu ftit inqas minn 18,000 persuna, li jagħmel minn din il-lokalità, it-tielet l-akbar f’pajjiżna. Apparti l-fattur demografiku, l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar hija l-aktar waħda multi-kulturali li hawn f’pajjiżna b’madwar 120 nazzjonalità lkoll jitgħallmu fl-istess klassijiet.
Ċifri aktar riċenti juru wkoll kif fis-sena 2014 biss twieldu xejn inqas minn 225 tarbija f’din il-lokalità fejn it-tkabbir fil-popolazzjoni jaf iwassal biex issir l-akbar lokalità f’Malta fis-snin li ġejjin.