Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ambulanzi u vetturi tas-St. John Ambulance ġew misruqa u vvandalizzati.
L-għaqda, li taħdem b'mod volontarju minn diversi voluntiera dedikati sabiex joffru servizz imprezzabbli, qalet li dawk li għamlu dan messhom jistħu.
L-għaqda kompliet tispjega li l-voluntiera tagħhom joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi volontarja fil-ħin liberu tagħhom, wara xi ġurnata jew ġimgħa xogħol. Qalet ukoll li x-xogħol tagħha jsir bis-saħħa tad-donazzjonijiet li jirċievu.
L-inċident seħħ fil-bitħa tal-għaqda fejn jinżammu dawn il-vetturi importanti. Hemmhekk, insterqu diversi affarijiet mill-ambulanzi u tagħmir importanti, li huma neċessarji għall-ħidma tagħhom.
Min jixtieq jgħin lil St. John Ambulance, għandu jikkuntattja lill-għaqda permezz ta' messaġġ fuq Facebook, fejn fost l-oħrajn jeħtieġu generator, kumpressur tal-arja, diversi għodda u oġġetti mediċi bħal faxex, ingwanti, garżi eċċ.