Il-union tal-bdoti tal-Air Malta, ALPA ddeskriviet il-kummenti taċ-chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef bħala 'gideb malizjuż' meta f'kummenti mal-gazzetta The Times, ġiet irrappurtata tgħid li l-bdoti kienu qed jitolbu żieda ta' €50,000 fil-paga tagħhom. Dan kieku jammonta għal żidiet ta' €6 miljuni f'pagi biss.
Il-gazzetta Malta Today tirrapporta kif il-union qed issostni li dan mhux minnu, u huwa ferm 'il bogħod minn dak li effettivament talbet il-union. Il-gazzetta tgħid kif it-talbiet tal-union ilaħħqu l-€50,000 fuq perjodu ta' tliet xhur għall-bdoti kollha, li jammontaw għal 118 u mhux biss għal wieħed. Iż-żieda kif mitluba mill-ALPA tlaħħaq il-€140 fix-xahar għal kull pilota.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-bdoti kienu raw tnaqqis ta' madwar €1,000 fil-pagi ta' kull xahar tagħhom, minn meta tnaqqsu l-ammont ta' titjiriet tal-Air Malta.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-ALPA kienet qalet li lesta li tieħu azzjonijiet industrijali, iżda dawn twaqqfu meta l-linja tal-ajru ħadet azzjonijiet legali biex jitwaqqfu milli jagħmlu dan. L-ALPA ddeskriviet dan bħala "theddida ċara għad-dritt tas-sħubija ma' union."