Wara li iktar kmieni din il-ġimgħa ttella' filmat fuq YouTube dwar il-periklu kbir li kien hemm fil-bajja ta' Fra Ben fil-Qawra, il-Malta Tourism Association (MTA) ħadet azzjoni sabiex jitneħħa dan il-periklu.
Il-filmat imtella', juri l-istat li kienet fih parti mill-istruttura li hemm fil-baħar fil-bajja fil-Qawra. Minħabba li l-blat beda jsir iktar dgħajjef, il-partijiet tal-ħadid li kienu jżommu l-blat f'post beda jidher, b'riskju għall-għawwiema, partikolarment tfal li jagħmlu użu minn din il-bajja.
Malli ħareġ il-filmat, is-sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea qalet li ma kinetx taf b'dan il-periklu u immedjatament infurmat lill-awtoritajiet sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata.
Fil-fatt, illum wara nofsinhar, ħaddiema dehru fuq il-post jagħmlu xogħlijiet sabiex ineħħu l-periklu mill-bajja.
Il-periklu li kien hemm fil-bajja qabel ix-xogħlijiet | ritratt: Raniero Borg