It-tfal imħeġġa jaqraw fis-sajf
Titħabbar it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-kampanja ‘Aqra fis-Sajf’, favur il-qari għall-gost fis-Sajf
More in Socjali
Titħabbar it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-kampanja ‘Aqra fis-Sajf’, favur il-qari għall-gost fis-Sajf
Wara s-suċċess li kellha l-kampanja ‘Aqra fis-Sajf’ is-sena l-oħra, ġiet imħabbra t-tnedija tat-tieni edizzjoni. It-tfal u ż-żgħażagħ ġew imħeġġa biex fis-sajf ikomplu jaqraw għall-gost ħalli jsostnu l-ħiliet u t-tagħlim li jkunu kisbu matul is-sena skolastika.
Ir-riċerka turi li:
· L-istudenti li jaqraw fis-sajf imorru aħjar fl-iskola.
· L-istudenti li ma jaqrawx fis-sajf jitilfu l-benefiċċji ta’ madwar xahrejn tagħlim li jkunu ħadu mill-iskola.
· L-istudenti li jieħdu gost jaqraw imorru aħjar fl-iskola minn dawk li ma jaqrawx.
· L-istudenti li jagħżlu huma x’kotba jaqraw, jaqraw ħafna aktar kotba minn sħabhom.
· Huwa rrakkomandat li t-tfal u l-istudenti jaqraw tal-anqas 5 kotba fis-sajf.
· L-istudenti li tul is-snin tal-edukazzjoni primarja tagħhom ma jmissux ktieb b’idejhom fis-sajf, sal-aħħar tal-primarja jaqgħu lura b’sentejn
fiż-żamma ta’ dak li jkunu tgħallmu meta mqabbla ma’ studenti li jaqraw.
Fid-dawl tal-punti msemmija hawn fuq, dan is-sajf, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħda tniedi l-kampanja ‘Aqra fis-Sajf 2016’ biex tħeġġeġ lit-tfal u l-istudenti kollha jaqraw għall-gost.
Biex il-kampanja tkun suċċess, l-istudenti jrid ikollhom il-kotba f’idejhom jew ikollhom aċċess għall-kotba. Għaldaqstant ittieħdu dawn l-inizjattivi:
1) Kull ġimgħa fiċ-ċentri ta’ Skolasajf immexxija mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, animaturi mħarrġa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin jaqraw lit-tfal stejjer bil-Malti u bl-Ingliż.
2) Matul is-sajf l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tibqa’ għaddejja bil-programmi ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ f’60 lokalità u ‘Seħer l-Istejjer’ f’20 lokalità f’Malta u Għawdex.
3) L-iskejjel medji koed ta’ Birkirkara, Bormla u r-Rabat Malta, l-ALP ta’ Raħal Ġdid, il-Kulleġġ San Alwiġi u l-iskejjel sekondarji tal-Blata l-Bajda (bniet), Ħal Kirkop (subien), il-Ħamrun (subien, ex Adelaide Cini), il-Mosta (bniet u subien), l-Imrieħel (bniet), l-Iskola Nazzjonali tal-Isport ta’ Pembroke, Santa Luċija (bniet), Tal-Ħandaq (subien), Tas-Sliema (subien), Verdala (subien), iż-Żejtun (bniet) u r-Rabat, Għawdex (bniet u subien) qegħdin jiftħu l-librerija tal-iskola tagħhom għall-istudenti li jattendu l-istess skejjel darba jew darbtejn fil-ġimgħa.
4) L-entità Libreriji Maltin żiedet il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-libreriji pubbliċi li tamministra fi 12–il lokalità;
5) Fi 13-il lokalità fejn isir il-programm Nwar tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, it-tfal li jeħtieġu l-għajnuna fil-qari, issieħbu fi Klabbsajf u qed isegwu programm ta’qari ggwidat;
6) Xi Ambaxxaturi tal-Qari se jkunu qegħdin iżuru xi ċentri ta’ Skolasajf li tmexxi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u jaqraw l-istejjer lit-tfal;
7) Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo sfida lit-tfal biex iniżżlu fuq werrej li sar apposta, l-ismijiet ta’ ħames kotba li jkunu qraw fis-sajf. Dawn se jinġabru u minn fost it-tfal li jkunu qraw ħames kotba se jittellgħu bix-xorti għadd minnhom u jingħataw għotja ta’ kotba jew vouchers biex jixtru l-kotba.
Din il-kampanja qiegħda ssir bi sħab bejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, l-entità Libreriji Maltin, id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent u d-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Min ikun irid aktar informazzjoni fuq il-kampanja, jista’ jżur il-paġna tal-facebook ‘Aqra fis-Sajf’.