Tal-Gift of Life ma tantx dehru entużjasti b'telefonata li saret mill-Ambaxxata Amerikana f'Malta u li fiha ġew mistednin biex jiddiskutu l-veduti tagħhom mal-Ambaxxata dwar il-morning after pill. Mhux talli ma kienux entużjasti, talli qatgħu telefonata f'nofsha u tellgħu messaġġ fuq Facebook illi fih staqsew jekk din it-telefonata b'invit, li wara kollox seta' kien ġenwin, kienx "indħil barrani fi kwistjonijiet lokali."
Skont il-messaġġ tal-istess Gift of Life, il-ġimgħa l-oħra rċevew telefonata illi fiha, mara stednithom biex imorru l-Ambaxxata Amerikana, f'laqgħa illi fiha jiddiskutu l-veduti tal-istess għaqda dwar il-morning after pill. Il-Gift of Life qalu lil din ir-rappreżentanta illi huma parti minn "koalizzjoni" u li ma kienux lesti jiltaqgħu magħha. Meta r-rappreżentanta tal-Ambaxxata staqsiet min huma, l-membri l-oħrajn tal-"koalizzjoni" il-Gift of Life qatgħulhom it-telefon.
Il-Gift of Life, fil-messaġġ tagħhom, dehru verament sorpriżi li l-ambaxxata Amerikana xtaqet tiltaqa' magħhom anke jekk temmew l-istess messaġġ billi staqsew jekk kinux qed jeseġeraw fil-mod kif kienu qed jinterpretaw sempliċiment invit.