Ħajja ġdida għal mitħna tar-riħ tas-seklu tmintax fin-Naxxar

Ix-xogħlijiet ta' restawr se jinkludu primarjament it-tneħħija bl-idejn taż-żebgħa u likeni tal-faċċata eżistenti... 

Il-mitħna tar-riħ fin-Naxxar
Il-mitħna tar-riħ fin-Naxxar

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat permess tal-iżvilupp għal restawr ta' mitħna mibnija fis-seklu tmintax, magħrufa bħala "Tal-Għaqba", viċin l-iskola Sekondarja Giovanni Curmi fin-Naxxar.

Il-mitħna tar-riħ li hija magħmula mill-ġebel u hija maqsuma f'żewġ sulari, imdawwar b’torri fin-nofs b’garigor u sulari intermedjarji magħmula mill-injam, kienet skedata bħala bini protett mill-Awtorità fl-2012. Ladarba tiġi restawrata, il-mitħna ser tintuża mill-kunsill lokali għall-attivitajiet tal-komunità, filwaqt li fis-sular ta’ fuq ser ikun hemm wirja permanenti li turi l-istorja industrijali tal-mitħna u l-artefatt li jinsab fi ħdan is-sit. Barra minn hekk, se jiġu installati żewġ lifts fit-torri sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà xierqa għal kulħadd.

Ix-xogħlijiet ta' restawr se jinkludu primarjament it-tneħħija bl-idejn taż-żebgħa u likeni tal-faċċata eżistenti, ser isir trattament fil-faċċata bil-bijoċida sabiex jiġi eliminat it-tkabbir tal-bijoloġika, it-tneħħija tal-ħadid eżistenti u l-installazzjoni mill-ġdid tal-wajers tad-dawl. Il-ġebel li huwa deterjorat ħafna, minħabba l-prattika ħażina ta’ tikħil bis-siment, se jiġi sostitwit u reintegrat b’ġebel ġdid fejn ikun meħtieġ.

Barra minn hekk, ix-xogħlijiet se jinkludu wkoll il-bini mill-ġdid tal-apparat tal-mitħna fil-quċċata tal-binja. Ix-xogħlijiet se jsiru f'konformità mar-rapport dwar il-metodu tar-restawr approvat filwaqt li ser isir monitoraġġ mill-uffiċjali ta' konservazzjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar. Id-dikjarazzjoni tal-metodu ta’ restawr ġie approvat mis-Supretendenza għall-Wirt Kulturali.

Il-mitħna tar-riħ "Tal-Għaqba" ġiet mibnija madwar l-1710 u kienet waħda mit-tliet imtieħen mibnija mill-fondazzjoni tal-Granmastru Perellos.

More in Socjali