Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ta' Malta, jingħad li f’Ġunju, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas għal 3,441. B’hekk, għat-tielet xahar konsekuttiv, in-numru ta’ dawk li qed jirreġistraw biex isibu impjieg waqa’ taħt l-4,000, riżultat li kien ilu ma jiġi osservat mill-1980 ‘l hawn.
Imqabbel ma’ sena ilu, il-qgħad totali naqas b’1,768 persuna. Bħala medja, kull jumejn, għaxar persuni qiegħda sabu xogħol.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta’ 294 fin-numru ta’ żgħażagħ bla xogħol, jew 962 mill-bidla fl-amministrazzjoni.
Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ—dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ il-garanzija tal-washing machine—sa issa kienet soluzzjoni għall-problemi ta’ nuqqas ta’ xogħol ta’ tmienja minn kull għaxar żgħażagħ qiegħda. Fil-fatt, skont il-Eurostat, pajjiżna issa għandu l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE.
Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 725 persuna fin-nies jirreġistraw li għandhom età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa fost l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser tnaqqis ta’ 30% mil-livell ta’ sena qabel.
Kategoriji oħrajn meqjusin f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,034, jew 43%. Filwaqt li f'Għawdex, in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol naqas b’31% minn snin preċedenti.
F’Ġunju kien hemm 347 persuna b’diżabilità tfittex impjieg. Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, kien hemm 563, jew 62% aktar milli hemm illum. Dan huwa riżultat tal-miżuri ta’ inklużjoni u l-infurzar ta’ liġijiiet li wettaq il-Gvern.
Fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, 7,350 persuna kienu bla xogħol, żieda ta’ kważi elf persuna f’ħames snin. Sa issa f’din il-leġislatura, l-amministrazzjoni preżenti għenet lil aktar minn 3,900 persuna qiegħda ssib impjieg li jixirqilha.
Il-fatt li, fi ftit aktar minn nofs leġiżlatura pajjiżna ra n-numru ta’ dawk jirreġistraw jaqa’ b’aktar min-nofs huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija b’saħħitha u li l-politika tal-Gvern qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji tagħna.