L-eżamijiet mediċi ta’ qabel l-operazzjonijiet...

14-il klinika ġdida miġbura f’post wieħed

Infetħet uffiċjalment f’Mater Dei dik li qed tkun imsejħa bħala l-POAC, jew aħjar il-klinika li fiha jsiru l-eżamijiet mediċi meħtieġa qabel kull operazzjoni
Infetħet uffiċjalment f’Mater Dei dik li qed tkun imsejħa bħala l-POAC, jew aħjar il-klinika li fiha jsiru l-eżamijiet mediċi meħtieġa qabel kull operazzjoni

Infetħet uffiċjalment f’Mater Dei dik li qed tkun imsejħa bħala l-POAC, jew aħjar il-klinika li fiha jsiru l-eżamijiet mediċi meħtieġa qabel kull operazzjoni sabiex tkun żgurata s-saħħa tal-pazjent qabel isir l-intervent kirurġiku.

Din il-Pre Operative Assessment Clinic qed tilqa’ fiha mas-sittin pazjent kuljum, liema pazjenti sa ftit ilu kien ikollhom iduru ma’ żoni differenti tal-isptar Mater Dei sabiex isirulhom it-testijiet meħtieġa qabel l-operazzjoni li tkun se ssirilhom.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li spjega kif dawn il-pazjenti issa qed jinqdew b’anqas skariġġ u ġiri mal-istess sptar. “Kien ilu jinħass il-bżonn li meta pazjent ikun se jagħmel operazzjoni, dan isirlu l-eżami mediku f’post wieħed, u propju dak hu li għamilna bil-ftuħ tal-POAC fejn issa hawn 14-il klinka mgħammra bl-apparat meħtieġ sabiex il-pazjent jinqeda kemm jista’ jkun f’post wieħed mingħajr ħafna ġiri u skariġġ.”

Il-Ministru Fearne kompla jgħid li dan il-pass se jwassal biex ma jinħlewx riżorsi. “Il-fatt li pazjent se jinqeda f’post wieħed ifisser ukoll li apparti li l-pazjent se jinqeda aħjar, se nkunu qed niffrankaw ħafna ħin u ġiri żejjed anke lit-tobba u infermiera, u dan se jwassal ukoll biex tiżdied l-effiċjenza fl-isptar Mater Dei.” Dan minbarra l-fatt li issa m’għadx hemm il-bżonn li pazjent jidħol ġurnata qabel l-isptar u b'hekk qed jintużaw is-sodod aħjar.

Temm jgħid li din l-effiċjenza qed tkun ukoll kruċjali sabiex jiżdiedu l-operazzjonijiet u jitnaqqsu l-waiting lists.“Is-sena li għaddiet saru b’kollox mas-60,000 operazzjoni li minnhom 53,000 sar propju fl-isptar Mater Dei. Dan kollu hu parti mill-pjan tagħna li nagħmlu suċċess fil-qasam tas-saħħa, bil-pazjenti jinqdew kemm jista’ jkun fil-ħin u li jingħataw il-kura meħtieġa sabiex ikollhom fejqan ta’ malajr.”

More in Socjali