Ir-raġel jippompja u l-mara tivvibra

Il-ġugarelli tas-sess l-aktar popolari fost il-Maltin

Fost ħafna Maltin, għad hawn il-perċezzjoni li l-maġġorparti tal-poplu għadu qaddis, verġni u martri u li s-sess isir biex isiru t-tfal biss, u mhux għax huwa parti importanti mis-saħħa tal-bniedem.

Minkejja dan, minn kuntatt li l-ILLUM għamlet ma’ Ranier Zammit, sid is-sex shop online toysfourplay.com, li ilu f’dan il-negozju għal kważi 14–il sena, jirriżulta li s-sex toys mhux talli huma popolari ħafna, talli hemm domanda qawwija għal ġugarelli partikolari tas-sess.

Zammit żvela ma din il-gazzetta li l-aktar prodott popolari mal-klijenti rġiel huma pompi li temporanjament ikabbru d-daqs tal-organu maskili. Min-naħa l-oħra, l-aktar prodott li jinxtara mill-klijenti nisa huma l-vibraturi tat-tip ‘rabbit’ u stimulaturi zgħar, kif ukoll lingerie sexy.

Apparti dawn, jirriżulta wkoll li prodotti oħrajn popolari mal-klijenti Maltin huma kremi u sprays li jtejbu l-prestazzjoni sesswali tar-raġel.

Min-norma tal-bejgħ bħalissa, Zammit spjega li aktar milli prodotti u ġugarelli speċifiċi għall-irġiel jew għan-nisa waħedhom biss, illum hawn ħafna aktar prodotti li huma mmirati iżjed għall-użu tal-koppji, li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jiżdied in-numru ta’ dawn li qed ikunu fantasjużi fil-ħajja sesswali tagħhom.

Prodotti sesswali ispirati mill-ktieb 'Fifty Shades of Grey'
Prodotti sesswali ispirati mill-ktieb 'Fifty Shades of Grey'

Jidher ukoll li dan l-aħħar, il-popolarità tal-ġugarelli sesswali u prodotti bħal manetti, frosti u oġġetti ta’ ‘bondage’, saru aktar popolari minn wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb ‘Fifty Shades of Grey’, fejn il-fantasiji sesswali tal-karattru Christian Grey, ħajru ħafna nisa biex jissuġġerixxu lis-sieħeb tagħhom, jinkludu aktar logħob u fantasiji fil-ħajja sesswali tagħhom.

L-irġiel jixtru aktar prodotti u ġugarelli sesswali min-nisa

Mistoqsi dwar id-demografija tal-klijenti li jixtru minn fuq is-sit tiegħu, Zammit qal li hemm aktar irgiel li jixtru prodotti u sex toys, bl-istess mod bħalma hi x-xejra mal-bqija tal-Ewropa. Aktar ma jgħaddi ż-żmien iżda, qed jiżdiedu dejjem aktar in-nisa u l-koppji li ma jsibux problema jixtru u jesperimentaw, tant li bħala klijentela, Zammit beda jersaq lejn persentaġġ ta’ 50, b’50 fil-mija.

Huwa żied jgħid li “għalkemm jixtru iżjed l-irġiel, dawn aktar jixtru prodotti għan-nisa jew għall-użu tal-koppja milli għalihom personali. Illum spiċċa ż-żmien li dak li jixtri s-sex toys jew prodotti oħra huwa r-raġel xiħ ta’ moħħu maħmuġ, kif kienet il-perċezzjoni qabel.”

Jidher ukoll li mill-klijentela tas-sex shops fuq l-internet, l-età medja tan-nies li jagħmlu użu minn dawn il-prodotti hija ta’ bejn it-30 u l-50 sena, età iżjed sesswalment matura u attiva. 

Jista’ jkun ukoll li nies ta’ età iżgħar għadhom isibuha aktar diffiċli jaċċettaw il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar l-użu ta’ ċerti ‘ġugarelli’ biex jagħmlu l-ħajja sesswali tagħhom aktar eċitanti u fantasjuza. Tista’ tkun ukoll mistħija jew biża’ mill-ġenituri, f’każ li dawn isiru jafu b’tendenzi mhux konvenzjonali li qed jipprattikaw uliedhom.

Il-Maltin għandhom fantasiji sesswali u interess jesperimentaw u jilagħabu fis-sodda daqs kemm għandhom nies f’pajjiżi oħra’

Zammit uża bħala eżempju l-fatt li ħafna Maltin kif isiefru, apparti f’xi mużew, jinkludu xi mawra sa sex shop. Huwa saħaq li “jista’ jkun li din il-perċezzjoni ħażina ġejja mill-biża’ li xi ħadd ieħor ikun jaf x’gosti sesswali għandek jew minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni u l-mentalità li s-sess isir biss biex nagħmlu t-tfal.”

Ibbażat fuq l-ammont u t-tip ta’ oġġetti li jinbiegħu fuq is-sit ta’ Zammit, din il-gazzetta setgħet tieħu idea aktar ċara ta’ jekk hawn Malta hawnx kultura ta’ ‘logħob fis-sodda’ li tinvolvi wkoll fantasiji, kostumi u anke ‘bondage’. Zammit saħaq li “l-Maltin għandhom fantasiji u jesperimentaw daqs nies f’pajjiżi oħra.”

Huwa żied jgħid li “l-kostumi biex iħeġġu l-fantasiji tal-koppji, għandhom jinbiegħu ħafna iżjed meta mqabblin ma’ ċerti pajjiżi oħra, iżda s-suq tagħhom għadu żgħir Malta.”

“Il-prodotti ta’ bondage, li fost affarijiet oħra jinvolvi rbit u użu ta’ xi frosta, saru ħafna iżjed komuni dan l-aħħar, speċjalment wara li ħareġ il-ktieb Fifty Shades of Grey,” qal Zammit.

Anke minn studji li saru minn psikologi u studjużu tal-imġiba tal-bniedem, ġie pruvat li l-esperimentazzjoni, il-logħob u l-fantasiji sesswali jistgħu jżommu r-relazzjoni iktar ħajja u soda fit-tul.

Naqra logħob fis-sodda jsaħħaħ il-ħajja sesswali tal-koppja
Naqra logħob fis-sodda jsaħħaħ il-ħajja sesswali tal-koppja

Zammit ġab eżempju li “bħalma hawn min iħobb jiekol l-istess tiġieġ u ħass biss kuljum, hawn min iħobb isajjar u jiekol b’mod iżjed varjat u kreattiv.”

Li tiftaħ sex shop f’Malta mhux kummerċjalment vijabbli

Fid-dawl tal-emenda fil-liġi tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon, kibret il-possibbiltà li jinfetħu aktar sex shops, la darba dawn isirulhom twissijiet ċari fil-faċċata li javżaw x’tip ta’ ħwienet huma.

Din il-gazzetta saqsiet lil Zammit jekk ibbażat fuq l-ammont ta’ bejgħ li jsir online, is-sex shops f’Malta jsirux aktar komuni. Zammit irrisponda li “le, għax xorta ma jkunux kummerċjalment vijabbli.”

Zammit saħaq li wieħed irid jiftakar li Malta għandha popolazzjoni ta’ inqas minn nofs miljun, id-daqs ta’ villaġġ f’pajjiżi barranin, fi gżira mingħajr fruntieri diretti ma’ pajjiżi oħra. Jidher ukoll li fil-passat kien hawn diversi tentattivi biex jinfetħu sex shops hawn, iżda wara ċertu żmien kellhom jagħlqu.

“Il-bidla f’din il-liġi hi li rregolat kif jistgħu jinbiegħu ċerti prodotti pornografici, li messha saret żmien ilu,” qal Zammit, “u mhux jekk tistax tiftaħ ħanut, għalkemm il-media hekk tat x’tifhem.”

Mistoqsi jekk hu jitħajjarx jiftaħ ħanut, Zammit irrisponda li “le, għax fuq toysfourplay.com noffru bejgħ minn diversi mezzi online b’servizz mil-lum għal għada, li mill-esperjenza tiegħu, tgħallem li l-klijenti jippreferu l-anonimità tax-xiri online, kif ukoll jekk iridu, jistgħu jkollhom appuntament privat biex jaraw l-affarijiet fiżikament qabel jiddeċiedu x’jaqbel għall-fantasiji u l-eċitament sesswali tagħhom.”

More in Socjali