F’ittra mressqa lill-Parlament, l-isqfijiet, inkwetati, jinsistu li “ħadd m’għandu d-dritt jiddeċiedi li jtemm ħajtu minħabba sofferenza, mard, diżabilità jew kwalunkwe raġuni oħra.”
“Il-protezzjoni tal-ħajja hija aktar importanti mid-dritta tal-libertà. Li pazjent jagħżel li jieħu assistenza medika li twassal direttament għall-mewt, anke meta din tkun imminenti, mhux kwestjoni ta’ libertá tal-għażla,” kitbu l-Arċisqof Scicluna flimkien mal-Isqof Grech fl-ittra tagħhom lill-MPs
Huma żiedu jgħidu li “L-awtonomija li minnha jgawdi kull bniedem, mhix assoluta jew mingħajr limiti. Il-protezzjoni tal-ħajja umana, speċjalment meta din tkun vulnerabbli, hija priċipju etiku u legali li jmur lill hinn mill-prinċipju tal-awtonomija.”
L-iqfijiet saħqu li kieku t-tobba kellhom jaqblu ma xewqiet simili minn naħa ta’ pazjenti, jkunu qed imorru kontra l-missjoni tagħhom bħala tobba, għax flok jipproteġu l-ħajja, jkunu qegħdin jikkawżaw il-mewt.
Il-każ dwar il-legalizzazjoni tal-Ewtanasja, qam fil-Parlament wara li raġel afflitt mill-ALS, Joe Magro, għamel talba biex il-każ tiegħu jitressaq fil-Parlament.
Magro, li jsofri mill-kondizzjoni newro deġenarattiva magħrufa bħala ALS, saħaq li jekk l-Ewtanasja ma tiġix introdotta Malta, mhux se jkollu għażla ħlief li jtemm ħajtu huwa stess.
Magro saħaq li ma jixtieqx ikun ta’ nkonvenjent fuq familtu meta l-marda tħalliħ nieqes minn ħiliethu, u li x’ħin ma jkunx jista’ jgħix ħajtu b’mod dinjituż aktar, se jikkommetti suwiċidju.
B’insistenza tal-whip Godfrey Farrugia, il-każ ta’ Magro, beda jiġi diskuss, fejn s’issa fost il-partit politiċi, l-Alternattiva Demokratika biss saħqet li hija kontra l-legalizzazjoni tal-Ewtanasja.
Fl-ittra tagħhom, l-isqfijiet evitaw li jużaw il-kelma Ewtanasja, u minflok għażlu li jużaw termini bħall “qtil” u “terminazzjoni ta’ ħajja umana”.
Huma għamlu distinzjoni bejn it-talba ta’ mewt assistita u r-rifjut ta’ trattament mediku. Filwaqt li fil-każ ta’ ewtanasja, issir talba għal intervent biex tintemm il-ħajja, rifjut ta’ trattament mediku huwa mod kif jiġi rrispettat il-proċess naturali tal-mewt mingħajr intervent estern.
L-isqfijiet qalu li filwaqt li “jifhmu s-sofferenz fiżika u psikoloġika li jgħaddu minnha l-pazjent u l-qraba tiegħu, il-valur tal-ħajja umana ma jiddependix fuq jekk wieħed ikunx marid jew f'saħħtu.”
Huma temmew billi kitbu li “nemmnu li l-assistenza medika mogħtija lill-pazjenti biex itemmu ħajjithom qatt ma tista’ tkun fl-aħjar interessi tagħhom.”