filmat | ‘Fil-ħabs rajt minn kollox...anke qtil quddiemi’

"Jobżqulek fl-ikel u ma tistax tkellimhom"

Dominic Chircop
Dominic Chircop

Emozzjonat u mtaqqal bil-passat tiegħu, Dominic Chircop, jitkellem mal-ILLUM dwar l-esperjenza qarsa tiegħu f’ħabs fil-Filippini. “Fil-ħabs rajt minn kollox. Rajt anke qtil quddiemi. Jobżqulek fl-ikel u ma tistax tkellimhom, għax joqtluk,” qal Chircop li qatta’ erba’ snin f’ħabs fil-Filippini mingħajr qatt ma nstab ħati ta’ ebda reat. 

filmat: Raphael Farrugia

‘Talbuni 50,000 peso biex iwaqqgħuli l-każ’

Dominic irrakonta kif għamel sitt xhur sħaħ arrestat b’dan il-mod, u fihom lanqas biss tressaq il-Qorti jew tkellem ma’ avukati dwar ir-raġunijiet wara l-arrest tiegħu, għaliex hu dejjem sostna li ma kellux bżonn avukati għaliex ma kienx ħati, u għaliex l-arrest ma kienx wieħed legali għaliex ma kellhomx evidenza. “L-arresting officer kien ġie fuqi darba minnhom u qalli li jekk nagħtih 50,000 peso kien iwaqqgħali l-każ, u jien għidtlu li lanqas 5 pesos ma kont se nagħtih għaliex ma kontx ħati.”

Wara ftit iktar minn sentejn u nofs taħt arrest, Dominic jispjega kif kienu ħaduh għal check up mediku, u hemmhekk qalulu li kienu se jibagħtuh fil-ħabs ta’ Manila għaliex kien ilu wisq arrestat fid-depot tal-NBI.

‘Il-ħabs kien qisu razzett’

Dominic jispjega dak li ra meta daħħluh f’Manila City Jail, “ma kontx naf x’se nsib ġewwa. Kif dħalt ġewwa, insib li kien hemm ‘razzett’, bil-ħmieġ barra, nies jiġru bla ħwejjeġ, u n-nies kollha mitfugħin f’post wieħed; qattiela, rapists, kollha flimkien.”

Meta mistoqsi jekk qattx sab għajnuna mill-awtoritajiet, anke ambaxxati fil-Filippini, Dominic qal li wara li kienet ħarġet l-istorja tiegħu fl-aħbarijiet Filippini, il-Konslu għal Malta kien qallu li ma setax jgħinu għaliex ‘kellu każ kbir ħafna.’ Xhur wara, meta beda s-smigħ fil-Qorti, Dominic jirrakonta kif kien hemm nies li ttellgħu bħala xhieda, li minn isimhom kien jafhom, iżda l-isem ma kienx jaqbel mal-persuna li kien hemm quddiem il-Qorti. Għalhekk, kienu ntalbu juru l-xi dokument ta’ identifikazzjoni, u hemmhekk inqabdu li dawn il-persuni ma kinux dawk in-nies li kienu qed jgħidu li huma, u din, spjega Chircop kienet xi ħaġa favurih li setgħet tgħinu.

‘Ġejt arrestat mingħajr ‘warrant’’

Viżibbilment emozzjonat, Domninic jitkellem dwar il-mument meta snin wara li ġie arrestat, ingħata ċ-ċans li jitkellem fil-Qorti. Hemm qal li l-każ tiegħu huwa ineżistenti għaliex hu ġie arrestat mingħajr warrant. Għal dan il-kliem, Dominic jispjega li l-imħallef kien baqa’ skantat, u staqsieh jekk kienx ċert minn dan. “Jien għidtilhom biex jekk iridu jġibu lil dawk il-pulizija li kienu arrestawni u jġibu l-karti li kellhom, biex juru kif dak li qed ngħid kien vera.” Fil-fatt hekk kienu għamlu, u l-Qorti sejħet għal dawn l-arresting officers sabiex jagħtu x-xhieda tagħhom iżda dawn baqgħu ma tfaċċawx, bl-avukat li ġie provdut bih Chircop jgħidlu li jekk dawn jibqgħu ma jitfaċċawx fil-Qorti fis-seduti li ġejjin, il-każ tiegħu se jkun qed jaqa’. “Jien kont staqsejtu, jiġifieri l-każ jaqa’ hekk, u nkun għamilt erba’ snin hawnhekk għalxejn?” kompla jgħid emozzjonat Dominic.

Wara ħafna iktar seduti, Dominic spjega li kien hemm bosta drabi fejn quddiem il-Qorti ġew preżentati dokumenti u karti uffiċjali ffirmati, daqslikieku minnu, li iżda hu qatt ma kien iffirma, u hemm sfida lill-Qorti biex iġġib l-oriġinali  ta’ dawn id-dokumenti għaliex hu kien jaf li hu qatt ma ffirma tali karti, li jgħidu i hu kien ħati. “Kont għidtilhom li jekk jippreżentaw il-karti oriġinali fil-Qorti, jien kont lest li mmur għal għomri l-ħabs, imma dawn il-karti qatt ma ġabuhom.”

Dominic irrakonta wkoll kif il-prosekutur baqa’ jisforza l-każ biex hu u l-pulizija ma kinux jidhru li għamlu xi ħaġa ħażina, u għalhekk, Dominic ġie trasferit għal ħabs ieħor, minn Manila. Hawnhekk, meta deher quddiem il-Qorti qalilhom li l-każ tiegħu kien seħħ f’Manila u mhux f’dak il-post, “għax dawk jafu li se nirbaħ il-każ u se neħdilhom il-kumpens, u biex ma jħallsunix il-kumpens, riedu joqtluni.” U minn hemm, reġa’ ntbgħat Manila fejn għadda iktar żmien.

‘Jobżqulek fl-ikel u jekk tkellimhom, joqtluk’

Dominic jitkellem dwar dak li ra u għadda minnu tul it-tliet snin u disa’ xhur li qatta’ fil-ħabsijiet fil-Filippini. “Fil-ħabs rajt minn kollox. Rajt qtil quddiemi, rajt vjolenza, jobsqulek ġo l-ikel...ma tistax tkellimhom għax joqtluk hemm ġew. Darba kien daħal wieħed filgħaxija b’martell f’idu u ħasadni. Għamilli sinjal biex noqgħod kwiet u mar bil-martell maġenb priġunier ieħor u faqgħalu rasu bil-martell. L-għada filgħodu ġew il-pulizija, gerrbuh f’liżar abjar u telqu bih. La investigaw, xejn.”

Wara li għadda iktar żmien u kien għadu ma sema’ xejn mill-Qorti, iddeċieda li jċempel biex jara fiex kien wasal il-każ tiegħu. Minn fuq it-telefon, wara li tahom id-dettalji tal-każ qalulu li l-każ tiegħu kien ilu xhur li ġie deċiż favurih, waqt li hu kien baqa’ l-ħabs. Irriżulta li l-prosekutur kien baqa’ jirrifjuta li jiffirma l-karti tar-rilaxx tiegħu.

More in Socjali