L-artista Marina Abramovic qalet li hi għamlet abort tliet darbiet f'ħajjitha għaliex li kieku kellha t-tfal, "kien ikun diżastru għal-karriera."
L-artista ta' 69 sena magħrufa għall-arti performattiva tagħha bi stil provokattiv, f'intervista mal-gazzetta Ġermaniża Tagesspiegel qalet li kienet abortiet tliet darbiet sforz l-imħabba li għandha lejn xogħolha, u rrifjutat li tkun omm biex issegwi l-arti.
"Li tibni familja waqt li tkun artist, hija xi ħaġa impossibbli, u issa li se nagħlaq 70 sena, inħossni kuntenta li jien libera," kompliet tispjega l-artista mis-Serbja. Żiedet tgħid li, "it-tfal iżommu lin-nisa lura fid-dinja tal-arti.
"Għamilt abort tliet darbiet għaliex kont ċerta li t-tfal kienu jkunu diżastu għax-xogħol tiegħi. Persuna jkollha ammont ta' enerġija limitata f'ġisimha, u bit-tfal kien ikolli naqsam din l-enerġija," temmet tgħid Abramovic.