Wara xhur twal ta' kwiet, il-Film Studios fil-Kalkara reġgħu raw ħafna attività hekk kif serje televiżiva Taljan, bi produzzjoni tar-RAI, u li fiha jieħu sehem l-attur popolari Taljan, Beppe Fiorello, użaw il-faċilitajiet tal-istudjos ta' Malta.
Infatti, il-faċilitajiet għadhom kif intużaw biex jinġibdu xeni ta' maltempata għall-produzzjoni li se jkun jisimha “Chiedilo al Mare”, 'Saqsi lill-baħar'.
Wara diskussjonijiet mal-Malta Film Commision, il-kumpanija tal-produzzjoni Taljana Picomedia, għażlet lil Malta biex tiġbed numru ta' xeni minn din is-serje, maqsuma fuq żewġ partijiet, li se tintwera fi Frar li ġej fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan RAI.
Minbarra xeni miġbudin fit-tankijiet, inġibdu wkoll xi xeni fil-Marsa u fil-Belt Valletta.
F'numru ta' filmati u kummenti fuq Twitter, Facebook u Instagram li mposta l-attur Beppe Fiorello, huwa wera biċ-ċar l-entużjażmu tiegħu dwar il-ħidma tiegħu f'Malta.