“L-attivitajiet sportivi fuq bażi regolari jgħinu lill-anzjani jibqgħu attivi bi stil ta’ ħajja li tgħinhom anke f’saħħithom”. Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta dalgħodu attendiet għall-ewwel sports day għall-anzjani f'Għawdex.
Din l-attività sportiva kienet parti mill-programm li qed isir għall-anzjani Għawdxin li beda s-sena l-oħra bħala proġett-pilota bi sħab bejn is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u Kerċem Ajax F.C.
Dan il-programm huwa miftuħ għall-anzjani kollha Għawdxin ta’ ‘l fuq minn 60 sena u joffri sessjonijiet li jsiru kuljum b’mod konsistenti f'eżerċizzji fiżiċi addattati għall-anzjani, taħriġ relatat man-nutrizzjoni, u memory sessions li jsiru minn team ta’ coaches kwalifikati.
“Dan hu programm li juri kemm il-Gvern tassew jemmen fil-ħiliet ta’ persuni anzjani li jridu jibqgħu attivi fi ħdan il-komunità fejn jgħixu. Il-parteċipazzjoni ta’ għadd hekk sabiħ ta’ persuni anzjani juri kemm kibret il-kuxjenza favur aktar attività b’risq livell tajjeb ta’ saħħa u kwalità ta’ ħajja aħjar,” qalet Caruana.
Is-Segretarju Parlamentari ferħet lil dawk kollha li ħadu sehem u fakkret li fl-ispirtu sportiv l-importanti huwa li wieħed ikun kuraġġuż u jipparteċipa, “għax fl-aħħar mill-aħħar l-aqwa premju jista’ jgawdih kulħadd – dak li jżommu ruħhom f’saħħithom,” qalet Justyne Caruana.
Caruana raddet ħajr ukoll lid-dirġenti u coaches kollha ta’ Kerċem Ajax li ħadmu bis-sħiħ biex dak li kellu jkun proġett-pilota illum sar programm stabbilit li qed jagħmel suċċess.