Żieda ta’ €62 fix-xahar fl-istipendji

L-istudenti tax-xjenza farmaċewtika se jġawdu minn żieda fl-istipendji tagħhom mix-xahar li ġej

L-istudenti tax-xjenza farmaċewtika se jibbenefikaw minn żieda fl-istipendji tagħhom
L-istudenti tax-xjenza farmaċewtika se jibbenefikaw minn żieda fl-istipendji tagħhom

L-istudenti li qegħdin isegwu l-kors ta’ baċellerat fix-xjenza farmaċewtika fl-Università ta’ Malta se jibbenefikaw minn żieda ta’€62  fix-xahar fl-istipendji tagħhom. Din iż-żieda se tibda’ mix-xahar li ġej, fejn mill-istipendju ta’Awwissu, l-istudenti se jibdew jirċievu din iż-żieda fuq it €83  fix-xahar li kienu qed jieħdu s’issa, għal total ta’ €146.

L-istudenti tax-xjenza farmaċewtika se jibbenefikaw ukoll minn żieda ta’ €233 fl-għotja li tingħata lilhom fil-bidu tas-sena akkademika fl-Università. Dan ifisser li minn Settembru li ġej l-studenti se jkunu qed jibdew is-sena universitarja tagħhom b’ €690 allokati lilhom mill-gvern.

Dawn iż-żidied huma nċentivi mill-gvern biex l-istudenti ta’ dan il-kors jiġu pari ma' studenti li jsegwu korsijiet oħrajn fl-Università, u sabiex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ispejjez edukattivi. L-inċentivi għall-istudenti tax-xjenza farmaċewtika huma parti mill-istrateġija tal-gvern biex jinkoraġixxi l-istudenti jkomplu jistudjaw suġġetti relatati max-xjenza.

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar bi pjaċir li din is-sena kien hemm żieda konsiderevoli ta’ studenti tal-Form 3, li għażlu li jibdew jistudjaw suġġetti tax-xjenza. Infatti, 550 student għażlu li jistudjaw il-Bijoloġija u 300 student se jibdew jistudjaw il-Kimika mis-sena skolastika l-ġdida f’Settembru.

Din iż-żieda, hija riżultat tal-kollaborazzjoni bejn id-Direttorat tal-Edukazzjoni u s-settur privat, għall-promozzjoni li saret fl-iskejjel waqt is-sena li għaddiet dwar il-potenzjal li s-suġġetti tax-xjenza jista’ jkollhom fl-industrija.

More in Socjali