
Għandi lment dwar il-kont tad-dawl u l-ilma...
L-akbar ammont ta’ lmenti li rċieva l-Ombudsman fl-2015 kienu dwar il-WSC u l-ARMS
minn Ruben Anthony Xuereb

Għat-tieni sena konsekuttiva, fl-2015 l-Uffiċċju tal-Ombudsman ra żieda fin-numru ta’ lmenti li rċieva. Fil-fatt, fl-2015 l-uffiċċju ħa ħsieb total ta’ 611-il każ, żieda ta’ 13.5% fuq is-sena ta’ qabel.
Mill-ilmenti li rċieva l-uffiċċju tal-Ombudsman fl-2015, dwar dipartimenti varji tal-gvern, jidher li għat-tieni sena konsekuttiva, l-aktar li saru lmenti mill-pubbliku kienu fil-konfront tal-Water Services Corporation (WSC) u ARMS Ltd, il-kumpanija li tieħu ħsieb tipproċessa ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fil-fatt, il-WSC u ARMS bejniethom kienu kawża ta’ 32 ilment, li jimmarka żieda ta’ 23% fuq l-2014, meta fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ entitajiet kienu saru b’kollox 26 ilment. Fl-2013 saru 13-il ilment. Minkejja dan, l-2012 tibqa’ l-aktar sena fl-aħħar snin li fiha saru lmenti kontra dawn iż-żewġ entitajiet flimkien, b’total ta’ 44 ilment.
Transport Malta ġew fit-tieni post għall-ammont ta’ lmenti mressqa mill-pubbliku lill-uffiċċju tal-Ombudsman b’24 ilment, li ammontaw għad-doppju tal-ilmenti mressqa, fl-istess perjodu matul is-sena ta’ qabel.
Il-Kummisjoni għas-Servizzi Pubbliċi (PSC) daħlet għall-ewwel darba fil-klassifika tal-akbar ammont ta’ lmenti u ġiet fit-tielet post, bi 22 ilment fir-rigward tagħha.
Fir raba’ post, u b’kuntrast kbir mis-snin ta’ qabel, fejn ma kien hemm ebda lment, insibu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li fl-2015 kiseb 21 ilment fil-konfront tiegħu. U fil-ħames post, ikklassifika l-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’żieda konsiderevoli ta’ 150% mis-sena ta’ qabel, b’total ta’ 20 ilment.
Mit-total ta’ 611-il każ li ħa ħsieb l-uffiċċju, 405 kienu investigati mill-Ombudsman, 76 mill-Kummissarju għas-Saħħa, 65 mill-Kummissarju għall-Ambjent u Pjanar u 65 mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.
Bejn Jannar u Diċembru tal-2015, l-ammont ta’ investigazzjonijiet magħluqin żdied b’ 14%, minn 311 fl-2014 għall-354 fl-2015.
Il-każi li baqgħu pendenti sal-aħħar tal-2015 kienu 276, żieda ta’ 23% fuq is-sena preċedenti.
It-tipi ta’ lmenti li rċieva l-uffiċċju tal-Ombudsman ġew impoġġija f’kategoriji differenti li jvarjaw bejn :
- Diskrepanza fil-liġi jew applikazzjoni wisq riġida ta’ xi liġi jew regolament.
- Diskriminazzjoni
- Nuqqas ta’ trasparenza
- Nuqqas ta’ informazzjoni provduta
- Dewmien jew nuqqas f’azzjoni
- Inġustizzja u nuqqas ta’ bilanċ
Din tal-aħħar kellha l-aktar ilmenti dwarha, b’101 ilment dwar inġustizzja u nuqqas ta’ bilanċ, li jammontaw għal 25% tal-ilmenti kollha li rċieva l-uffiċċju.
Minn stħarriġ li għamel l-uffiċċju tal-Ombusdsman fost il-persuni li preżentaw ilmenti mal-istess uffiċċju, jirriżulta li saru aktar ilmenti mill-irġiel milli min-nisa, b’75% tal-ilmenti jsiru minn irġiel.
Id-demografika tal-etajiet tan-nies li għamlu użu mill-uffiċċju tal-Ombudsman turi li l-ogħla ammont ta’ lmenti saru minn nies f’età ’l fuq minn 55 sena, b’ammont ta’ 45%, filwaqt li dawk bejn l-età ta’ 18 u 24 sena għamlu l-inqas ilmenti, b’total ta’ 2% biss.
Jidher li l-każi investigati varjaw fiż-żmien ta’ kemm damu biex jissolvew fejn il-maġġorparti ħadu aktar minn disa’ xhur biex jissolvew, filwaqt li kien hemm każi oħrajn li saħħansitra damu inqas minn xahrejn bl-investigazzjoni għaddejja fuqhom. Dan ovvjament ivarja skont kemm-il każ ikun kumpless.
Kollox ma’ kollox, il-membri tal-pubbliku li nqdew mill-uffiċċju tal-Ombudsman, kienu kuntenti bis-servizz, b’aktar minn 60% tan-nies mistoqsijin dwar il-kwalità tas-servizz irrispondew li kienu sodisfatti u aktar minn 50% esprimew sodisfazzjon dwar it-tul ta ħin li ħa l-każ tagħhom.
Il-pubbliku b’mod ġenerali, jidher li jinsab kuntent mis-servizz tal-uffiċċju tal-Ombudsman, fejn 62% jikkunsidraw li l-Ombudsman huwa kredibbli ħafna u għandhom moħħhom mistrieħ b’dak li jgħid.
Il-persentaġġ tan-nies li rrispondew li ma kinux kuntenti bir-riżultat tal-investigazzjoni, kien ta’ 23%, li jista’ ma jurix nuqqas min-naħa tal-uffiċċju, iżda sempliċiment riżultat dwar xi każ fejn ir-riżultat tal-investigazzjoni nqata’ kontra dak li għamel l-ilment, skont il-liġi u l-ġustizzja. Ta’ min jinnota li dan huwa persentaġġ żgħir li jirrifletti sodisfazzjon fl-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-każi mressqa mill-pubbliku.
Minkejja ż-żieda fin-numru ta’ lmenti li rċieva l-uffiċċju s-sena l-oħra, xorta jidher li hawn 8% li għadhom jirrikorru għand xi membru parlamentari meta jkollhom xi problema, bit tama li l-ilment tagħhom jiġi solvut… forsi anke mingħajr bżonn ta’ xhur ta’ investigazzjoni.