
Il-mostru li hemm ġo fija…
“Il-ħajja bid-dipressjoni qisha waħda fejn int tgħix kontinwament ma’ mostru li ma jiqafx imaqdar dak kollu li tagħmel u jfesfislek f’widnejk kemm ma tiswa għal xejn… u dak il-mostru huwa moħħok stess.”
minn Ruben Anthony Xuereb

“Il-ħajja bid-dipressjoni qisha waħda fejn int tgħix kontinwament ma’ mostru li ma jiqafx imaqdar dak kollu li tagħmel u jfesfislek f’widnejk kemm ma tiswa għal xejn… u dak il-mostru huwa moħħok stess.”
L-Illum tkellmet ma’ Ben, raġel ta’ madwar 36 sena li stqarr dan dwar ħajtu, hekk kif fetaħ qalbu ma’ din il-gazzetta dwar il-kundizzjoni tad-dipressjoni li huwa ilu jbati minnha għal numru twil ta’ snin.
Ben stqarr ma’ din il-gazzetta li dak li hu jiddeskrivi bħala l-mostru, huma l-ħsibijiet ħżiena u negattivi li kostantament jgħaddu minn moħħu matul il-ġurnata.
Ben (li mhux l-isem vera ta’ din il-persuna) wera x-xewqa li jibqa’ anonimu, minħabba li hu stqarr li l-perċezzjoni dwar min ibati bid-depressjoni għadha waħda dibattibli ħafna madwar id-dinja kollha, mingħajr eċċezzjoni ta’ Malta.
Dwar il-ħajja ta’ kuljum tiegħu, huwa stqarr li ma jħossx li jinsab fis-sitwazzjoni li sempliċiment jgħid lill-kollegi tiegħu jew lin-nies ta’ madwaru li jbati bid-dipressjoni.
“Nippreferi li jibqgħu jaħsbuni kwiet u naqra stramb…” jgħid Ben.
Fejn tidħol il-perċezzjoni tas-soċjetà lejn min ibati bid-dipressjoni, Ben jgħid li filwaqt li d-dipressjoni hija kundizzjoni medika bħal ħafna oħrajn, mhux meqjusa bl-istess mod bħall-kundizzjonijiet oħrajn bħalma huma l-ażma jew id-dijabete pereżempju.
Skont Ben, bniedem ażmatiku m’għandu ebda problema javża lil ta’ madwaru li jista’ jkollu attakk ta’ ażma minn ħin għall-ieħor, u dan mingħajr ma jikkawża ħars minn taħt u reazzjonijiet mistkerrha. “Tara raġel jew mara jaqta’ nifsu u juża ‘inhaler’ jidher li huwa inqas offensiv għas-soċjetà minn xi ħadd li jsibha diffiċli jidħaq u jesprimi emozzjoni…” jisħaq Ben li qal li hu konxju li ta’ spiss, qabel aktar minn issa, hu kien jagħti impressjoni ta’ wieħed stramb u dejjem bid-dwejjaq. “Illum tgħallimt nilbes tbissima falza biex ma nagħtix fil-għajn meta minn ġewwa nkun mejjet bid-dwejjaq u nigdeb u ngħid li jien OK, meta niġi mistoqsi kif jien… biex nevita mistoqsijiet u kliem żejjed.”

Fejn jidħlu l-effetti li d-dipressjoni tħalli fuq il-ħajja tax-xogħol ta’ Ben, huwa stqarr li kemm jista’ jkun il-kundizzjoni tinżamm sigriet. “Ma nafx nies oħra li jbatu bid-dipressjoni x’jagħmlu,” temm hu, “imma pereżempju jien ma tgħaddilix minn moħħi li nsemmi l-kundizzjoni tiegħi waqt xi intervista tax-xogħol meta niġi mistoqsi dwar kundizzjonijiet mediċi. Onestament nibża’ li ma niġix aċċettat minħabba l-biża’ li ma nkunx soċjevoli jew produttiv fuq xogħli.”
Ben jiddeskrivi ġranet fejn ħaġa sempliċi bħal tqum mis-sodda tinħass bħala impreża diffiċli. Il-ħsieb li tiffaċċja n-nies dejjem ikun l-iktar ħaġa inkwetanti għal min ibati minn din il-kundizzjoni. “It-tibdiliet fil-burdata waqt ġranet ‘ħżiena’ jistgħu jvarjaw bejn l-aptit li taħtaf lin-nies jew tgħidilhom xi ħaġa kattiva u offensiva… jew inkella tkun fi stat sensittiv li tibża’ li ħa tinfaqa’ tibki għal xejn b’xejn.” qal Ben b’għajnejh baxxuta, “Kważi kważi li jaqbadni l-biki nistħi aktar minnha bħala adult. Nippreferi meta nkun irrabjat, naħtaf u noħroġ ta’ stramb u antipatku ma’ dak li jkun.”
Id-dipressjoni, tant m’hawnx għarfien pubbliku fuqha li dawk li jbatu minnha ta’ spiss jiġu ffaċċjati bi kliem li allavolja jsiru bi skop ġenwin biex jgħinu, fil-verità jweġgħu ħafna lil dak li jkun.
“Isa ejja, qum minn hemm u ‘cheer up’…” Ben isemmi dan il-kumment bi tbissima, bħala wieħed li jisma’ ta’ spiss, flimkien ma’ “uwejja ħallik mid-dwejjaq, x’jista’ ġralek guvni bħalek… min jaf kemm hawn min hu agħar minnek fid-dinja.”
Ħaġa interessanti hija li wara snin twal, Ben sar jieħu dawn il-kummenti b’ċertu umoriżmu u jifhem li allavolja huma offensivi għal xi ħadd fil-kundizzjoni tiegħu, jifhem li jsiru b’mod ġenwin, allavolja b’nuqqas ta’ tagħrif u kunsiderazzjoni.
“Jien qatt ma smajt lill ħadd imur fuq persuna li kellha attakk ta’ ażma u jgħidilha… uwejja tgħaġġibhomx, ħu n-nifs u kompli…” jgħid Ben, li reġa’ qabbel id-dipressjoni ma’ kundizzjonijiet oħrajn li dwarhom hawn aktar konsiderazzjoni u edukazzjoni.
Ben saħaq li hija ħasra li hawn nuqqas ta’ edukazzjoni fost il-poplu li biha għandhom l-ewwel ħaġa jagħrfu li l-kundizzjoni hija reali, u t-tieni ħaġa li “cheer up” se tagħmel iżjed deni milli ġid.
L-avviċinament it-tajjeb għandu jkun empatija għas-sitwazzjoni ta’ dak li jkun mingħajr ma jsiru suġġerimenti biex id-dipress jgħaddilu u jidħaq, iżda invit biex dan jiftaħ qalbu mingħajr ma jiġi ġġudikat jew patronizzat.
Il-ħsieb tal-mewt ikun ħaġa reġolari, kważi fuq bażi ta’ kuljum
Sintomu ikrah li joħroġ fl-aktar klassifikazzjoni severa ta’ dipressjoni, huwa meta bħal Ben, il-ħsieb tal-mewt ikun ħaġa regolari, kważi fuq bażi ta’ kuljum f’ħajtu. B’tixbiha oħra mal-mostru li Ben jiddeskrivi li hu jqatta’ ħajtu miegħu, hu spjega kif
“Id-dwejjaq li jaqbduni ġieli tant ikunu kbar, li nħoss li l-unika soluzzjoni biex nistrieħ u neħles hija li ħajti tispiċċa. Dawn ikunu l-mumenti fejn fid-dwell tiegħi kontra l-mostru li hemm ġo fija, ikun qed jirbaħ hu…”
Ħaġa li forsi l-maġġoranza tan-nies ma jistgħu jifhmu qatt, jgħid Ben, hija kif “ġieli sempliċiment inkun qed insuq jew miexi fit-triq meta inkonxjament nibda ngħid lili nnifsi… daqs li kieku qed ikellimni xi ħadd ieħor, kemm ma niswa għal xejn, kemm jien falliment fil-ħajja u kemm ikun aħjar kieku neħles lil kulħadd mill-piż tiegħi f’din id-dinja.”
Ben stqarr li filwaqt li ġie dijanjostikat li jbati minn dipressjoni klinika severa fl-2012, hu kien ilu jħoss is-sintomi jinġemgħu u jiżdiedu bil-mod sa minn snin twal qabel. “Immaġinak kif tħossok tisma’ negattività u tgħajjir ifesfes f’widnejk kuljum… u jien ili nisma’ dan sa mis-sena 2000, jew anke qabel naħseb…”
Din il-battalja kontinwa bejnu u bejn ruħu, jidher li taffettwa lil Ben, u ħafna oħra fl-istess kundizzjoni tiegħu fuq bażi regolari. It-tendenzi ta’ suwiċidji infatti, huma kemxejn komuni fost dawk li jbatu bid-dipressjoni, tant li ħafna każi ta’ suwiċidju madwar id-dinja jkunu relatati ma’ din il-kundizzjoni.
Filwaqt li huwa suġġett delikat, l-Illum staqsiet lil Ben jekk ix-xewqa li jtemm ħajtu qatt skalatx lil hinn minn xewqa biss, fejn hu rrispondiena li f’aktar minn okkażjoni waħda kien jinsab daqshekk fit-tarf ta’ dwejjaq inkontrollabli li prova jtemm ħajtu, iżda qatt ma sab il-kuraġġ jagħmel il-pass finali. Fl-okkażjonijiet fejn ma jirnexxilux iwettaq “l-att”, Ben jispjega kif immedjatament iħossu li anke f’xi ħaġa li suppost ittih is-serħan, huwa falla miżerjament, bħal f’kollox f’ħajtu. Dan, skont Ben, ikun il-kliem li jisma’ jidwu f’moħħu mingħand il-‘monstru’ li jgħix hemm ġew.
“Darba”, irrakkonta Ben, “tant kienet ovvja li kont ninsab ħażin, li saritli ħafna pressjoni sabiex nirrikorri għal għajnuna professjonali, u mort għand Psikjatra.”
Dan kien iż-żmien meta Ben ġie dijanjostikat li jbati minn każ sever ta’ dipressjoni klinika.
Ben kompla jgħid kif fl-ewwel seduta, li fiha mid-dehra kien anke jidher viżwalment ħażin ħafna, il-psikjatra għamillu ħafna mistoqsijiet fuq il-passat tiegħu u fuq lista ta’ sintomi assoċjati mad-dipressjoni. “Ħlief għal xi tnejn mis-sintomi li semmieli, kollha lqatthom, u kont ili nħosshom għal żmien twil.”
“Waqt l-istess seduta,” kompla jirrakkonta Ben, “it-tabib saqsini jekk qatt xtaqtx immut u jekk qatt ikkunsidrajtx intemm ħajti… u jien b’ċerta mistħija rrispondejt, li kuljum.” Dawn ir-risposti mid-dehra kienu l-bażi tad-dijanjożi li biha Ben ġie ddikjarat li jbati bid-dipressjoni.
Ben kompla jirrakkonta kif l-ewwel pass fit-terapija li ssuġġerixxa dan it-tabib kien kors ta’ żewġ tipi ta’ pilloli antidipressivi differenti, flimkien ma’ kors pilloli tal-irqad.
“Flok ma tani pariri, jew sema’ dwar xi nħoss, tani riċetta għall-pilloli u appuntament għal tliet ġimgħat wara.”
Hawnhekk seħħ wieħed mill-aktar mumenti li Ben jiddeskrivi bħala ‘mudlama’ f’ħajtu hekk kif sab ix-xoqqa f’moxta biex fl-aħħar itemm ħajtu, permezz tal-pilloli li tah il-psikjatra. “Kelli tliet kaxxi ta’ pilloli differenti, b’aktar minn żewġ tużżani pilloli f’kull waħda,” qal Ben, b’ għajnejh miksurin fid-dmugħ… “mort id-dar u blajthom kollha f’daqqa b’nofs flixkun whisky… u rqadt.”
Ben iddeskriva l-ewwel ħaġa li ra, bħala dawl… qisu bħal dak il-famuż dawl fit-tarf tal-mina li tant jitkellmu fuqu fil-kotba u fil-films. Hemm, Ben jgħid li ħaseb li rnexxielu ‘jeħles’. Iżda l-overdose ta’ pilloli ma ħalliex l-effett mixtieq ta’ Ben għax id-dawl li ra ma kien xejn għajr il-familjari tiegħu jippruvaw iqajmuh wara li marru d-dar tiegħu għax kien għamel aktar minn għoxrin siegħa ma jirrispondix it-telefon.
Ben baqa’ ħaj, u llum, erba’ snin wara, jiftaħ qalbu li d-dispjaċir li jħoss għax weġġa’ lill-familjari tiegħu bil-qatgħa li tahom, serva għal żewġ għanijiet; l-ewwel, li biex ma jerġax iweġġagħhom, ma jista’ qatt jerġa’ jipprova… jgħid x’jgħid il-mostru, u t-tieni, li talli għamel hekk, żied raġuni oħra għaliex jobgħod lilu nnifsu; ħaġa li l-mostru ma jieqaf qatt ifakkru.
Wara dan l-inċident, Ben ħa l-parir ta’ tobba oħrajn, li l-metodi tagħhom kienu differenti b’aktar djalogu u analiżi tal-emozzjonijiet u pariri siewja kif xi ħadd li jbati bid-dipressjoni jista’ jgħin lilu nnifsu.
Illum Ben ilhu kważi tlett snin jaħdem biex jieħu kontroll fuq il-kundizzjoni tiegħu. Huwa jgħid li allavolja jispera li għandu tort, ma jaħsibx li hemm kura definittiva għad-dipressjoni, bħal ma m’hemmx għal ħafna kundizzjonijiet oħra. Skont hu, min ibati b’din il-kundizzjoni, kull ma jista’ jagħmel huwa li jitgħallem jikkonvivi u jikkontrolla s-sintomi u l-effetti.
“Illum tgħallimt nikkonvivi mall-mostru li hemm ġo fija,” jgħid Ben. “Nammetti li allavolja ninsab fil-kontroll tal-emozjonijiet tiegħi għall-maġġorparti tal-ħin, jiġu ġranet fejn il-mostru joħroġ mill-gaġġa li tfajtu fiha u jaqlali naqra nkwiet ġo rasi.”
Ben qalilna li rnexxielu jikseb il-kontroll tal-kundizzjoni tiegħu permezz ta’ attitudni aħjar lejn il-ħajja, speċjalment bl-għajnuna ta’ xi ħbieb partikolari. Hu qal li jaħseb iżda, li l-aktar ħaġa li għamlitlu effett posittiv kienet li ffoka fuq saħħtu billi beda jagħmel aktar attività sportiva u rranġa d-dieta tiegħu għal waħda aktar salutari. Ben saħaq ukoll li l-alkoħol ma jgħinx, għax infatti meta jixrob iżżejjed, in-negattività u dwejjaq jirduppjaw.
Mistoqsi dwar kif jara l-futur tiegħu, Ben semmielna l-effett ikrah li kienet ħalliet fuqhu l-mewt tal-attur komiku Robin Williams, fejn kien ħadha bi kbira ħafna li bniedem ta’ success bħal Williams li qatta’ ħajtu jdaħħaq lin-nies, kien ukoll ibati bid-dipressjoni u minkejja l-ħajja u s-suċċessi li kellu, flaħħar anke hu tilef il-battalja tiegħu kontra l-mostru li kellhu hu.
“Issa naraw. Jien mhux se naqta’ qalbi u se nibqa’ niġġieled kontra l-mostru li hemm ġo fija għal bqija ta’ ħajti. Daqqa nkun min fuq jien, u daqqa hu… sakemm flaħħar wieħed minnha jirbaħ il-ġlieda b’mod definittiv…”