Fi stqarrija maħruġa minn Jason Azzopardi, x-shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, intqal kif ftit ġranet biss wara li Joseph Muscat u Owen Bonnici webbsu rashom u neħħew mill-liġi ta’ Malta l-vilifikazzjoni tar-reliġjon, f’pajjiżna seħħ każ li jispjega bl-aktar mod ċar ir-raġuni għalfejn kien żball li din il-liġi tneħħiet.
"L-Oppożizzjoni vvutat kontra t-tneħħija tar-reat tal-vilipendju tar-reliġjon u dan minħabba l-fatt li t-tneħħija ta’ dan ir-reat mill-liġi jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna. Fil-fatt, l-inċident tal-Koran fl-Isptar Mater Dei kien ritaljazzjoni għall-attakk terroristiku fi Franza li fih inqatel qassis brutalment." stqarr Azzoppardi.
Fi stadju tal-Kumitat tal-Abbozzi, l-Oppożizzjoni nsistiet li temenda l-liġi biex tingħata l-istess protezzjoni lir-reliġjonijiet kollha, inkluż lil individwi atei, iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu. L-Oppożizzjoni saħansitra nsistiet ukoll li l-liġi tiġi emendata biex ma tkunx tgħodd għall-artisti fil-ħidma professjonali tagħhom.
"Owen Bonnici huwa skorrett meta jgħid li l-liġi li għadda hu saħħet idejn il-pulizija fil-ġlieda kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjon, " qal Azzopardi, "Dak li għamel Owen Bonnici fil-Parlament huwa totalment il-kontra ta’ dak li qed jiprova jgħid illum - każ klassiku tad-double speak ta’ Joseph Muscat. Owen Bonnici messu jaf li dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa ma kienx każ ta’ intenzjoni għal mibgħeda reliġjuża, iżda każ ċar ta’ tkażbir tar-reliġjon."
Skont Azzopardi, din id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat u Owen Bonnici twassal biss biex jiżdied ir-riskju għas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Intant, fid-dawl tal-istqarrija ta' Jason Azzopardi, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali irrisponda li "permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, l-Oppożizzjoni għażlet li tibqa’ taġixxi b’mod irresponsabbli, tibqa’ tippersisti fl-iżball u tibqa’ iżolata."
Fl-istqarrija tal-Ministeru ntqal kif huwa inaċċettabbli li l-Oppożizzjoni ddawwar l-att kundannabbli ta’ mibegħda fuq il-Koran f’ballun politiku. Huwa iktar inaċċettabbli li tipprova tallarma s-soċjetà li l-Gvern neħħa xi protezzjoni kontra dawn l-atti meta fil-fatt sar preċiżament bil-maqlub, u l-protezzjoni kontra l-mibegħda reliġjuża ssaħħet.
"Permezz ta’ emendi riċenti għall-Kodiċi Kriminali, il-Gvern ra li jimmodernizza l-liġi sabiex f’pajjiżna jkun hawn inqas ċensura u wessa’ l-kritika u s-satira li hija aċċettabbli li ssir f’soċjetà demokratika. L-Oppożizzjoni tant hija kontra li jkollna iktar libertà ta’ espressjoni, partikolarment dik artistika, li sal-lum qed tipprova tħawwad l-imħuħ."
Ir-realtà hija li l-Gvern saħħaħ il-liġi li tipproteġi s-soċjetà minn atti ta’ mibegħda jew vjolenza fuq ir-reliġjon. L-Oppożizzjoni dan tafu għaliex hi stess ivvutat favur dan it-tisħiħ fil-laqgħa nru 105 tal-Kumitat għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġijiet li saret nhar it-Tlieta 5 ta’ Lulju, 2016.
L-Oppożizzjoni hija waħedha f’dan l-attakk żbaljat. Kull min qara l-liġi jaf, u qed jiddikjara pubblikament, li l-emendi jipprovdu biex min jikkritika jew jagħmel satira artistika fuq reliġjon ma jiffaċjax pieni kriminali, iżda min jesprimi bi kwalunkwe mod jew jagħmel atti ta’ mibegħda fuq ir-reliġjon se jsib ma’ wiċċu liġi aktar qawwija.
Il-Gvern jappella lill-Oppożizzjoni biex tieqaf tkun partiġġjana fuq kollox u f’kull ħin, u fi kwistjonijiet importanti bħal dawn tpoġġi l-interess pubbliku l-ewwel u qabel kull kunsiderazzjoni oħra.