Filmat | 700 tunnellata ta’ emmissjonijiet inqas mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi kważi 700 tunnellata …

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi kważi 700 tunnellata
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi kważi 700 tunnellata

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi kważi 700 tunnellata fl-2015, filwaqt li naqqas ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 minn 2.29 kilo għal kull passiġġier għal 1.98 kilo, li jfisser titjib ta’ 13.5 fil-mija.

Din l-informazzjoni ħarġet mir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-ajruport li ġie kkumpilat f’konformità mal-linji gwida tal-Global Reporting Initiative (GRI), li huma użati fuq livell globali. Il-punti l-aktar importanti ta’ dan ir-rapport inġabru f’dan il-filmat.

 

Għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’diversi industriji jadottaw dawn il-linji gwida sabiex jirrappurtaw dwar laktar impatti kritiċi tagħhom. L-MIA ddeċidiet li tkun pijuniera fl-adozzjoni tagħhom f’Malta minħabba r-rwol prinċipali tagħha fl-industrija tat-turiżmu u l-impatti li għandha fuq l-ambjent u l-komunitajiet tal-madwar.

“Hekk kif qed nirsistu biex l-emissjonijiet tagħna tas-CO2 ikunu żero, huwa importanti li nagħtu rendikont tal-impatti tagħna. L-ewwel rapport dwar is-sostenibbiltà tagħna jinkoraġġina biex inkomplu naħdmu biex inneħħu, innaqqsu jew nimmitigaw l-impatti negattivi tagħna u ntejbu jew insejsu fuq dawk pożittivi,” qal is-CEO, Alan Borg.

Huwa qal ukoll li l-ajruport ser jissieħeb mal-programm imsejjaħ Airport Carbon Accreditation fil-Livell 1, biex b’hekk l-impronta tal-karbonju tal-ajruport tiġi evalwata b’mod indipendenti skont l-istandard ISO14064 (Kontabbiltà għall-Gassijiet Serra).

“Is-sostenibbiltà issa hija mnaqqxa fl-istrateġija riveduta tal-kumpanija bħala waħda mill-valuri prinċipali tagħna u aħna nittamaw li dan ser jgħinna nsiru ftit aktar sostenibbli kull sena,” żied jgħid is-Sur Borg.

Ħarsa ħafifa lejn ir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà turi li dan huwa maqsum fi tliet taqsimiet prinċipali li jagħtu rendikont iddettaljat tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ajruport. Kull taqsima tibda billi telenka l-miri prinċipali talajruport għall-2015 għal kull wieħed minn dawn l-aspetti u tkompli billi tispjega fid-detall kif intlaħqu dawn il-miri.

Għal aktar trasparenza, ir-rapport jinnota wkoll fejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jista’ jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu fil-futur.

Ir-rapport sab li kienu l-isforzi tal-ajruport biex jiffranka l-enerġija li wasslu għal impronta ta’ emissjonijiet iżgħar. Dawn l-isforzi jinkludu l-installazzjoni ta’ tidwil LED, flotta ta’ vetturi aktar effiċjenti u l-ġenerazzjoni ta’ aktar enerġija nadifa mis-sistema ta’ pannelli fotovoltajċi tal-ajruport. L-ajruport kien ukoll aktar effiċjenti minħabba li fl-2015 laqa’ aktar passiġġieri bl-istess ammont ta’ riżorsi.

Ir-rapport jiżvela wkoll li l-MIA injettat aktar minn €58 miljun fl-ekonomija lokali fl-2015 f’forma ta’ kostijiet tal-operat, pagi, benefiċċji, pagamenti lill-Gvern u investimenti fil-komunità lokali.

More in Socjali