Tibda l-ħidma lejn ċentru tas-saħħa ta' kwalità f'Raħal Ġdid

L-ewwel pass fil-proġett tal-Paola Health Hub

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius inawguraw il-proġett ta’ riġenerazzjoni fil-pitch tal-boċċi tal-Paola Wolves ġewwa Raħal Ġdid.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif dan hu l-ewwel pass biex b’hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq il-Paola Hub wara li jiġi relokat il-club tal-Paola Schrieber.

Il-Paola Hub li huwa proġett fuq 40 tomna, fis-sit abbandunat tal-ground ta’ Pace Grasso se jinkludi ċentru tas-saħħa tal-ogħla livell. “It-tenders għal dan l-isptar żgħir se joħorġu f’Diċembru, bix-xogħlijiet jibdew fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Dan il-proġett mistenni jkun lest fi żmien tliet snin mill-bidu tax-xogħol. Dan il-proġett ta’ €35 miljun se jkun qed jagħti nifs ġdid lil post mitluq, filwaqt li jipprovdi numru kbir ta’ servizzi tas-saħħa b’xejn fil-komunità għan-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta,” qal il-Ministru Fearne.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-proġett ta’ upgrading sar bi spiża ta’ aktar minn €50,000. Huwa spjega li din il-binja, sal-lum, b’mod speċjali l-pitch, it-toilets u l-meeting room kienu ġew ittraskurati u fil-fatt, kien għalhekk li ntalab l-involviment tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC, biex tmexxi l-proċessi kollha tal-proġett u tiżgura li l-proġett jitlesta fiż-żmien stipulat, skont il-baġits allokati, bi kwalità tajba ta’ xogħol u sigurtà għal min se jkun qed jagħmel użu minn dawn il-faċilitajiet.

Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu – fit-twaqqigħ tal-faċilitajiet eżistenti – is-soqfa u partijiet mill-ħitan, faċilitajiet sanitarji, xogħol ta’plastering, dwal, aperturi tal-aluminium u xogħlijiet ta’ landscaping, fost oħrajn.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan sar wara għadd ta’ laqgħat  kemm ma’ diversi awtoritajiet kif ukoll mal-Klabb tal-Boċċi u rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fid-diskussjonijiet.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius rringrazzja lill-Ministeru għas-Saħħa, lill-Ministeru tat-Trasport u lill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-għajnuna li taw biex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq u d-dilettanti tal-boċċi f’dawn l-akwati jkollhom post denju fejn jipprattikaw d-delizzju tagħhom.

Dwar dan il-proġett. l-ILLUM, f'intervista mal-Kap tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, Renzo Degabriele kienet ġiet mgħarrfa dwar il-pjanijiet għal-dan iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid.

More in Socjali