
Inawgurat l-ewwel shelter residenzjali għall-vittmi ta’ Vjolenza Domestika f'Għawdex
F'sentejn, Dar Emmaws kienet offriet iktar minn 2,000 lejl ta' kenn

More in Socjali
F'sentejn, Dar Emmaws kienet offriet iktar minn 2,000 lejl ta' kenn
Dar Emmaws hija l-ewwel shelter residenzjali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika f’Għawdex li qed tiftaħ kapitlu ġdid fil-ħajja tagħha. Il-fondazzjoni Kenn u Tama li tmexxi din id-dar għadha kemm iffirmat ftehim ta’ public-private partnership mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li bih Dar Emmaws se tkun amministrata minn Bord ta’ Tmexxija.
Apparti s-shelter ta’ emerġenza u residenza temporanja Dar Emmaws se tibda toffri għajnuna soċjali, emozzjonali, psikoloġika u ħarsien tas-saħħa lil dawk il-persuni kollha li jiġu bżonn dan it-tip ta’ kenn. Għal dan il-għan, Dar Emmaws qed tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali s-sular terran tagħha biex fih jitwaqqaf Ċentru tar-Riżorsi għall-Familja.
Il-Fondazzjoni Kenn u Tama fetħet Dar Emmaws f’April 2014. Il-bżonn għal dan it-tip ta’ servizz kien ilu jinħass f’Għawdex, sewwa għall-Għawdxin u sewwa għal Maltin u/jew barranin li jfittxu kenn f’Għawdex. Dakinhar, Dar Emmaws kienet għadha qed timraħ f’ibħra ġodda. Irriżulta li d-domanda għal dan is-servizz kienet qawwija ferm aktar milli Dar Emmaws setgħet tipprevedi. Biżżejjed ngħidu li f’sentejn, offriet aktar minn 2,000 lejl ta’ kenn.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-Fondazzjoni issa qed tara li mhux biss toffri l-kenn temporanju jew ta’ emerġenza imma toffri wkoll l-għajnuna biex il-vittmi jkunu jistgħu jqumu fuq saqajhom u jaffrontaw id-dinja. It-twaqqif taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Familja f’Dar Emmaws huwa mmirat biex itejjeb u jżid is-servizzi ta’ għajnuna – li wħud minnhom mhumiex preżenti f’Għawdex, jagħmel użu aħjar u aktar effettiv mir-riżorsi umani, u jagħmel qabża ta’ kwalità fl-isforzi biex persuni vulnerabbli jiġu integrati mill-ġdid, aktar b’saħħithom, fis-soċjetà.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tenna l-importanza ta’ din id-dar li qed toffri kenn lil min hu fil-bżonn. Huwa stqarr li permezz ta’ dan il-ftehim aktar nies ser ikunu offruti l-kenn. Il-Ministru rringrazzja lill-Ministru Farrugia tas-sostenn filwaqt li kellu kliem ta’ tifħir lil dawk li b’tant għożża qed imexxu lil Dar Emmaws.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal illi din hija Public Social Partnership oħra minn kullana ta’ PSP ħalli jissaħħaħ is-servizz tal-welfare f’pajjiżna. Huwa qal illi meta fix-xhur li ġejjin jitlestew il-finishings fis-sular ta isfel ta’ din il-binja se jinfetaħ Ċentru tal-Leap li se jinkorpora fih Family Resource Centre.
‘Għalhekk nies vulnerabbli li jkunu qed jużaw is-servizzi tal-Emergency Shelter se jkollhom is-servizzi ta’ terapija kollha taħt saqaf wieħed. Dan il-Family Resource Centre mhux ħa jkun għall-użu esklussiv tal-utenti ta’ shelter imma għall-Komunità Għawdxija inġenerali’ qal il-Ministru Farrugia.
‘Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Ministru Anton Refalo, lill-Fondazzjoni Kenn u Tama, b’mod speċjali lil Mons. Joe Vella Gauci u Dun Mikiel Xuereb’ temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.