11-il persuna, inkluż ommijiet, matul tmiem il-ġimgħa diġà għamlu użu mill-faċilitajiet li qed jiġu provduti f’Dar Papa Franġisku li għadha kemm ġiet inawgurata u bdiet topera madwar ġimagħtejn ilu. Din id-dar qed toffri servizz ta’ residenza ta’ emerġenza filwaqt li toffri wkoll servizz ta’ ikliet b’xejn lil dawk il-persuni u familji li ma jkollhomx biex iħallsu għall-ikel tagħhom.
Dan joħroġ minn intervista li l-gazzetta ILLUM għamlet mad-direttur tal-Caritas, Leonid McKay, li se tidher fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li ġej. Fil-fatt, McKay jistqarr li fl-ewwel ġurnata li fetħet, id-dar laqgħet fiha tliet persuni, li raqdu hemmhekk.
“Din id-dar qiegħda biex tolqot kriżijiet li jistgħu jinqalgħu mil-lum għal għada...sitwazzjonijiet ta’ emerġenza,” jkompli jgħid McKay li jsostni li diġà kellhom rispons kbir min-nies, u anke ġew referuti minn entitajiet oħra bħall-Appoġġ u diversi kappillani ta’ postijiet differenti li jkunu jafu b’każi partikolari.
“L-ewwel li nstigat l-inizjattiva biex tinfetaħ din id-dar, kienet ‘The Alfred Mizzi Foundation’, u Caritas ħatfet l-opportunità li tiftaħ dar simili, u eventwalment daħal il-ministeru tal-familja, u b’hekk ġiet minn xi ħaġa ta’ bejn il-privat u l-Knisja, daħal ukoll il-Gvern. Naħseb li huwa esperiment interessanti ħafna li diġà jidher li qed jaħdem,” sostna McKay.
Kompla jispjega kif bl-għajnuna tal-Gvern, issa is-servizz se jkun offrut b’mod ħolisitku għaliex qabel, kien se jkun immirat biss sabiex tingħata ikla b’xejn.
Aqra iktar f'intervista mad-direttur tal-Caritas fil-ħarġa ta' għada tal-gazzetta ILLUM