“Minkejja l-fatt li Malta laħqet l-għola livelli fl-indiċi tal-ILGA fl-Ewropa, aktar xogħol għadu qed jiġi mwettaq mill-gvern favur l-ugwaljanza LGBTIQ.”
Dan kien parti mill-introduzzjoni ta’ diskors mogħti mill-Ministru għad-Djalogu Socjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Civili, Helena Dalli, waqt li ndirizzat konferenza organizzata minn Rainbow Rose u l-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES) dwar il-promozzjoni tad-drittijiet LGBTI fl-Ewropa.
Dalli saħqet kif il-konvinzjoni tal-Gvern dwar din l-ugwaljanza qegħda tagħti l-frott tagħha, u li kieku l-gvern ċeda għall-oppożizzjoni li kien hemm kontra l-unjoni ċivili, xejn minn dak li nkiseb ma’ seta jkun possibli.
Hija emfassizzat li ż-żewġ elementi li taw l-akbar kontribuzzjoni għall-bidla fil-mentalità f’Malta kienu l-promozzjoni b’saħħitha tal-organizazzjonijiet LGBTIQ u l-impenn li ħa l-gvern biex jindirizza l-homofobija u t-transofobija.
Dalli spejgat kif Malta tista’ tikseb daqs kemm diġà kisbet fl-ugwaljanza LGBTIQ, filwaqt li elaborat il-pjanijiet ta’ Malta għal waqt il-presidenza tagħha tal-UE fir-rigward ta’ dan u dwar ir-rwol ikbar li tixtieq tara l-kummisjoni Ewropeja tieħu f’dan is-settur.