Il-‘Heritage Parks Federation’, li hija magħmula mill-għaqdiet ‘Nature Trust Malta’, ‘Gaia Foundation’ u Din l-Art Ħelwa, u li hija nkarigata mill-ħarsien tal-Park tal-Majjistral urew inkwiet serju dwar proposta li għamlet Transport Malta għal twaqqif ta’ Park Akwatiku f’Golden Bay, li hija żona marittima protetta.
L-għaqdiet appellaw lill-Ministeru tat-Trasport u l-Awtorità għar-riżorsi Ambjentali biex ma jingħatax permess għat-twaqqif ta’ dan il-park, li jmur totalment kontra l-isforzi li qegħdin jittieħdu biex jinżamm l-ambjent pristin ta’ din il-bajja li riċentament kisbet ukoll l-istat ta’ Blue Flag.
Il-Federazzjoni saħqet li din il-proposta tmur kontra l-politika dwar iż-żoni marittimi protetti, fejn biha se ssir ħsara konsiderevoli permezz ta’ ankraġġ fil-qiegħ tal-baħar. Minbarra dan, il-proġett tal-park akwatiku se jkun qed jokkupa l’fuq minn 300 metru kwadru ta’ żona restritta għall-għawn, filwaqt li jżid b’mod konsiderevoli t-traffiku u l-volum ta’ nies li digà jaħkem il-bajja. Minkejja d-daqs żgħir tagħha, Golden Bay diġà qabżet il-kwota tagħha fil-volum ta’ sport akwatiku disponibbli fiha.
Wara snin ta’ talbiet minn naħa tal-federazzjoni, it-tneħħija tal-binja abbużiva tal-kiosk tal-munchies, ippermettiet lill-Managers tal-Park biex ikomplu x-xogħol siewi tagħhom fir-riġenerazzjoni tal-formazzjoni unika fir-ramel tal-bajja. Dan is-sajf, bħal li kieku biex tagħti l-apprezzament tagħha għax-xogħol li sar fuq il-bajja, Fekruna tal-baħar biedet il-bajd tagħha f’Golden Bay. Il-Bejta bħalissa qed tiġi mgħassa minn volontiera mit-tliett organizazzjonijiet li qed jaħdmu flimkien mal-ERA.
Il-Federazzjoni qegħda tittama li f’din is-sitwazzjoni, jipprevali s-sens komun u ma jingħatax permess għal attività ta’ Park Akwatiku f’Golden Bay, li jkun ta’ ħsara għall-ambjent tal-bajja u viżwalment intrużiv għad-dehra naturali tagħha.